It-Trinità Qaddisa : Ħadd wara Għid il-Ħamsin (Ġw 3, 16-18)
Mhux faċli tifhem il-Misteru tat-Trinità. Aħna l-patrijiet fis-7.00 ta’ filgħodu nitolbu dak li jgħidulu l-Uffiċċju tal-Qari. Dan huwa magħmul minn tliet salmi u żewġ qari: wieħed mill-Bibbja u l-ieħor minn xi qaddis kbir tal-Knisja. Normalment it-tieni qari jkun meħud mill-kitbiet ta’ dawk li aħna nsejħu l-Missirijiet tal-Knisja li huma prinċipalment il-qaddisin tal-ewwel sekli tal-Knisja. Ġieli jaqbadni d-daħk meta għodu għodu nisma’: ‘Qari mid-diskorsi ta’ Santu Wistin fuq it-Trinità.’ Ngħiduha kif inhi Santu Wistin hu kittieb u mgħallem li nneħħilu l-kappell, imma fis-sebgħa ta’ filgħodu mhux dejjem tkun faċli tifhmu, l-iktar meta jitkellem fuq misteru hekk kbir bħalma hija t-Trinità. Idea! Issa nissuġerixxi li nibdew nitolbuh waranofshinar, almenu nkunu iktar f’sensina!
Niftakar Ruma wkoll darba ġrat xi ħaġa ħelwa ħafna. Wieħed mill-patrijiet tagħna istruwit fit-teoloġija mqaddsa, darba ried jispjega lin-nies kif l-Iben huwa ġġenerat mill-Missier, u kif l-Ispirtu jiġi mill-imħabba ta’ bejn il-Missier u l-Iben. Biex tispjega dan kollu t-teoloġija tuża t-terminu “purċissjoni”. Hekk kif spiċċa l-prietka solenni tiegħu waħda mara anzjana marret fuqu u qaltlu: ‘Padre, meta hi l-purċissjoni u fi x’ħin?’ Tistgħu taħsbu kif baqa’ l-patri!
Dan huwa kollu minnu. It-Trinità hija misteru u forsi vera wkoll li malli nsemmu t-Trinità moħħna bħal donnu jagħmel shutdown. Mill-ewwel xi ħaġa tgħidilna li dan huwa misteru kbir, u vera, u allura ma nistgħux nifhmuh. Imma mhux li nifhmu huwa importanti f’dan il-mument imma d-dinamiżmu li hemm f’dak kollu li jiġri fina li nemmnu, u x’relazzjoni għandna aħna ma’ Alla wieħed fi tliet persuni. Bosta drabi ningannaw ruħna billi naħsbu li biex nemmnu jew ngħixu l-misteru rridu l-ewwel nifhmu, però l-loġika trid tkun bil-kontra. L-ewwel il-misteru trid tgħixu, imbagħad bil-mod tibda tifhmu, u jekk le, tibda almenu tinduna kif dan il-misteru qed ibiddillek ħajtek.
X’inhu dan id-dinamiżmu li jien nara interessanti ħafna? Ovvjament ħafna minna, fil-mixja spiritwali tagħna, nibdew billi nsiru nafu lil Ġesù. Il-Missier innifsu xtaq hekk. Fil-fatt l-ewwel insara kienu jibdew dejjem billi jħabbru lil Ġesù li twieled, bata, miet għalina u qam mill-mewt. Din normalment kienet tissejjaħ il-Kerygma. Anke l-magħmudija stess tfakkarna dan. Il-battisteri (il-post fejn nitgħammdu) tal-ewwel żminijiet tal-Knisja, juru propju din id-difna ta’ Ġesù fil-mewt u l-qawmien tiegħu għall-ħajja. Kienu jkunu qishom swimming pools żgħar li min kien jersaq lejn il-magħmudija, li normalment kien ikun adult, kien jinżel minn naħa u jitla’ min-naħa l-oħra biex juri li miet Ġesù u miegħu qam għall-ħajja. Kienu jridu jfissru li miet il-bniedem il-qadim, il-bniedem tad-dnub u issa twieled bniedem ġdid, il-bniedem tal-grazzja. Imma ma ninsewx li l-magħmudija kienet, għada u tibqa’ ssir fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. U għaliex dan?
Għax id-doni ma jiqfux f’Ġesù. Ġesù jurina wiċċ il-Missier. Araw naqra x’dinamiżmu sabiħ! Dak li wriena wiċċ Ibnu permezz tal-Inkarnazzjoni (sar bniedem u għammar fostna), iħalli lill-istess Ibnu jneħħi l-velu minn fuq wiċċ il-Missier u hekk aħna f’wiċċ Ġesù Kristu nkunu nistgħu nikkontemplaw wiċċ Alla. Il-missjoni ta’ Ġesù, kif tidher tant tajjeb fil-Vanġelu skont San Ġwann, hija dik li jurina l-Missier, missier li jħobbna u jridilna kull ġid.
Waqt din il-mixja li tagħraf wiċċ il-Missier fl-Iben ikun hemm riskju li trid tagħmel kollox int, l-impressjoni li tista’ tasal waħdek li tiskopri lill- Missier. Bil-mod il-mod tibda tinduna li waħdek ma tasalx. Irid ikun l-Ispirtu, li għadna kif iċċelebrajnieh il-Ħadd li għadda, li bil-grazzja tiegħu, għajn ta’ ħajja jgħinek tasal.
U hekk tiskopri li Alla huwa wieħed u allura tgħid le għal kull alla falz f’ħajtek, għax Alla huwa wieħed. La x-xogħol, la l-flus, la l-karozza u l-ebda ħaġa ma tista’ tieħu post Alla. Infatti hemm ir-riskju li min għandu ħafna jaħseb li sar xi alla, imma jekk Alla huwa wieħed, kull ħaġa li tieħu postu hija alla falz! Idolu!
F’din il-mixja tiskopri wkoll li Alla huwa relazzjoni, komunità, relazzjoni bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Alla huwa xirka ta’ mħabba u qed jistiednek tibni komunità ta’ mħabba f’kull ambjent li ssib ruħek fih. U allura ma tibqax temmen li l-fidi hija xi ħaġa tiegħek biss, imma hija l-fidi tal-komunità u allura hija xi ħaġa li inti mistenni taqsam mal-oħrajn.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv