Id-19-il Ħadd ta’ matul is-Sena (Ġw 6, 41-45)
Bħalna dawn! Igergru! Kieku Maltin abbli kienu jużaw l-istess kelma tagħna… “Uff.”
Kellhom ftit raġun li jgergru, mhux hekk! Barra li min igerger dejjem jaħseb li għandu raġun, imma huwa minnu li lil dawn ma ttihomx tort. Huma kienu qed jibbażaw il-fidi tagħhom fuq il-fatti, u l-fatti kienu jgħidu li dan Ġesù ma setax kien dak li kien qed jgħid li hu. L-oriġini tiegħu hija bil-wisq iktar sempliċi minn ta’ xi ħadd li nieżel mis-sema.
Ġesù malajr jaqtgħalhom fil-qasir u jgħidilhom biex ma joqogħdux igergru. Jgħidilhom ukoll li min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem. X’qabża din Sur Ġesù, mit-tgergir għall-ħajja ta’ dejjem!
U proprju hekk hu. Min jemmen jirnexxilu jmur iktar ’il bogħod mill-fatti. Min jemmen jirnexxilu jara fil-bogħod, joħlom kbir u jwettaq għeġubijiet. Kieku l-Lhud emmnu kienu jmorru ħafna ’l bogħod mill-fatt li lil missieru u lil ommu kienu jafuhom, imsieken waqfu wisq fuq l-ovvju.
Il-fidi twasslek tara lil Alla, fejn il-fatti jgħidulek li Alla mhux hemm. Hemm min ra lil Alla anke f’kamp ta’ konċentrament!
Il-fidi twasslek ma taqtax qalbek hemm fejn tħossok li missejt il-qiegħ. Alla huwa ikbar mill-fatti anke jekk huma fatti konkreti ħafna. Alla dejjem ser jiftaħ triq, mhux neċessarjament it-triq li rridu aħna, imma t-triqat tiegħU.
Ħafna drabi jiġrilna li niddeċiedu fuq il-fatti u mhux fuq il-Fatt. Il-Fatt hu li Alla kapaċi u kapaċi ħafna iktar minna. Kemm drabi niddeċiedu mqanqlin mill-biża’ u mhux mill-profezija?! Kemm kapaċi nemmen li Alla kapaċi jqajjem ulied għalih anke minn borġ ġebel minsi? Naħseb tiftakru x’tgħid il-Bibbja, frażi li anke Ġesù jikkwotaha: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka, bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan. Ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna” (Mt 21, 42). Jużaha Pietru wkoll meta fir-4 Kapitlu tal-Atti tal-Appostli jakkuża lill-Kapijiet tal-poplu u x-xjuħ. Jgħidilhom li Ġesù huwa dik il-ġebla li ġiet imwarrba, imma saret il-ġebla tax-xewka, iġifieri l-ġebla li żżomm il-bini kollu (At 4, 11).
Il-fatti jridu jkunu trampolin biex wara li nitgħallmu minnhom, nimxu għall-azzjoni. Ħafna drabi neħlu fihom. Allura arana nerġgħu u nerġgħu nistudjaw is-sitwazzjoni attwali, nagħmlu studju, niktbu dokument bir-riżultati u nibqgħu hemm. L-identifikazzjoni tal-problema mhix ekwivalenti għal xi tip ta’ soluzzjoni.
Anke fil-ħajja personali tista’ tiġrilna din; arana jkollna sitwazzjoni fil-ħajja, u l-fatti juruna b’mod ċar li ma tista’ tagħmel xejn biex is-sitwazzjoni tirranġa; allura tibqa’ ssemmi l-fatti biex tkompli tikkonvinċi lilek innifsek li m’hemm xejn x’tagħmel. U jista’ jkun proprju hekk il-każ. Madanakollu jrid jasal żmien fejn dawk il-fatti ma tħallihomx jikkundizzjonawk, tara xi tkun tgħallimt minnhom u timxi ’l quddiem.
Kultant, dan, jiġrilna anke lilna, l-evanġelizzaturi, li suppost inxandru lill-Irxoxt. Nispiċċaw naqgħu f’monotonija ta’ diskorsi daqslikieku l-fatti ta’ Ewropa mingħajr Alla, ta’ soċjetà post-Kristjana għandhom l-aħħar kelma. Soċjetà post-Kristjana, seminarji b’inqas nies, ħajja Nisranija li abbli tilfet l-effett fuq is-soċjetà, valuri minsija jew mibdula, mhumiex sinjal ta’ mewt, imma sinjal li Alla qed iħejji triq, qed jipprepara ġens biex iwassalna għal ferħ akbar u ħajja aħjar. Għalhekk, ejjew nieqfu nkunu apokalittiċi, daqslikieku Alla nesa jew reġa’ lura mill-wegħdiet tiegħu. Abbli s’issa mxejna bil-modi u fit-triqat tagħna, jasal żmien fejn nibdew nimxu bil-modi u fit-triqat tiegħU.
L-ewwel pass hu li nemmnu li Alla ser jagħti l-ħajja liċ-ċirkustanzi li fihom proprju ħajja ma tidhirx. F’kull mewt, u din hemm bżonn nemmnuha, hemm nibbieta ta’ ħajja. Fittixha!
Il-Mulej iqawwikom fit-tama u jagħtikom is-sliem.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.