It-23 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 7, 31-37)
Ġieli ġratilkom li torbtu lil xi ħadd b’xi sigriet u tinduna li dak li jkun mar ixandar ma’ kullimkien dak li tkun għedtlu bejn erba’ ħitan? Hija ħaġa li normalment tkisser il-fiduċja f’dik il-persuna. Jew inkella, isbaħ minn din, xi ħadd jiġi jgħidlek: “Lilek biss qed ngħid,” u int tkun taf li fil-verità jkun ġa qal lil nofs ir-raħal! Jiġru dawn l-affarijiet u jew teħodhom b’nofs ċajta, jew tiddispra, jew twiegħed lilek innifsek li nies bħal dawn ma temminhomx jew inkella ma tgħidilhom xejn.
Ġesù hekk ġralu fil-Vanġelu tal-lum. Wara li fejjaq lit-trux u mbikkem wissa biex ma jingħad xejn minn dak li kien qed jagħmel u dawn iktar ma wissiehom aktar xandruh. Tifhmu li dawn tant kienu impressjonati b’dak li għamel Ġesù li ma setgħux ma jxandruhx. Għamlu sew? Min jaf! Li ma obdewx m’għamlux sew, imma mur żommhom!
Forsi tiġina li nsaqsu: “Imma dan Ġesù l-għala ma riedx li ħaddieħor ma jsirx jaf li kien hu li jfejjaq?” Ħafna drabi fil-Vanġelu ta’ San Mark insibu li Ġesù jordna lil min ikun fejjaq biex ma jgħid xejn. Imma għaliex? Kien jaqbillu li jsiru jafuh. Hekk seta’ juri biċ-ċar li hu l-Messija, u iktar nies jersqu lejh, iktar nies ifiqu, iktar nies isiru jħobbuh, iktar nies isiru jafu l-Vanġelu. Mela għalfejn dal-ħabi kollu?
Ġesù ma riedx li toħroġ informazzjoni żbaljata jew jingħataw impressjonijiet ħżiena. Ġesù ma riedx li hu jiġi meqjus bħala xi ħadd li jagħmel il-magics, bħala xi ħadd li joffri ħajja faċli, li jwiegħed l-ilma jiżfen. Fl-aħħar tal-Vanġelu Ġesù ma jaħbix iktar: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16, 15). Allura għalfejn jaħbi issa, jekk wara xandar kollox bil-miftuħ? Jaħbi issa, għax faċli setgħet tingħata l-impressjoni li Ġesù kien qed iwiegħed dixxipulat faċli, dixxipulat nieqes mis-salib. Li tkun dixxiplu ta’ Ġesù jfisser li terfa’ salibek kuljum u timxi warajh. Fejqan mingħajr l-aċċettazzjoni tas-salib faċli jsir farsa ta’ min hu Ġesù. Qabel ma jgħid kollox bil-miftuħ, Ġesù kellu jgħaddi mill-prova tas-salib.
Hu stess kellu jegħreq l-għaraq tad-demm biex jaċċetta r-rieda t’Alla f’ħajtu. Xi ħadd jista’ jlumek li m’intix taċċetta dak li qed jiġrilek f’ħajtek, imma l-fatt stess li qed tissielet biex tifhem u taċċetta, dik stess fiha nfisha hija talba: “Missier jekk jista’ jkun ħa jitbiegħed minni dan il-kalċi, imma mhux li rrid jien, imma li trid int” (Mk 14, 36). Ġesù, għall-kuntrarju tan-nies tad-dinja, ma jwigħedx l-ilma jiżfen. Ġesù huwa reali u fil-verità magħna: “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu l-qalb, jien irbaħt id-dinja” (Ġw 16, 33).
Ġesù jfejjaq biex jagħti sinjal li hu l-Messija. Il-fejqan huwa biss sinjal ta’ xi ħaġa ikbar. Il-fejqan huwa sinjal li hu kien dak li kellu jiġi. Il-fejqan kien mifhum li jwassal lin-nies li jemmnu Hu min kien. Messija iva, imma li kellu jimrad u jbati. “Ħa fuqu l-mard tagħna” (Is 53, 4), tgħidilna l-iskrittura. Proprju din li ma setgħux jifhmu ħafna nies, u li nsibuha diffiċli nifhmu aħna wkoll: “Salva lill-oħrajn, ħa jsalva lilu nnifsu” (Lq 23, 35). Ma ninsewx li l-fejqan fiżiku fih innifsu mhux etern. Dawk kollha li fejjaq Ġesù xorta reġgħu mardu u mietu. Lazzru ħa l-kedda li kellu jmut darbtejn!
Jekk aħna nibbażaw il-fidi tagħna fuq il-fejqan fiżiku, inkunu qed nitilfu ħafna. Il-fejqan, ma ninsewx, huwa sinjal ta’ verità ikbar. Mhux ta’ b’xejn li mbagħad, meta naraw li l-fejqan fiżiku ma wasalx, nibdew naħsbu ħafna affarijiet li mhumiex veri u nispiċċaw ngħidu: “Qed nitlob ħażin”, “M’għandix fidi”, “Alla ma jismagħnix”, “Alla bil-preferenzi”. Il-Knisja stess tgħallem li l-mirakli huma biss xi ħaġa straordinarja u mhux ta’ kuljum.
Ovvjament il-mard huwa xi ħaġa kerha ħafna. Il-mard joħroġ minnek reazzjonijiet li qatt ma kont timmaġina li kienu fik. Il-mard jumiljak. Il-mard ikexkxek meta tara lill-maħbubin tiegħek ibatu u anke jmutu. Ħadd ma jrid jimrad, lanqas jien serrħu raskom, u ħadd ma jrid jara l-maħbubin tiegħu jimirdu u jbatu. Madanakollu hemm fejqan li jmur ’l hemm minn dak li hu fiżiku. F’ħajti nħossni ffurtunat li ltqajt ma’ nies li fil-mard tagħhom fejqu lili. Nies li magħhom ma sarx miraklu imma huma kienu miraklu ħaj bid-dija li ħarġet minnhom fil-mumenti diffiċli tagħhom. Hemm tibda temmen li t-tbatija tista’ tkun redentiva wkoll.
Fil-fond ta’ qalbi nixtieq li ħadd iktar ma jimrad, fil-fond ta’ qalbi nixtieq li l-mediċina tagħmel tant żviluppi li teqred il-mard kollu, fil-fond ta’ qalbi nixtieq li l-mirakli jkunu the order of the day. Fil-fond ta’ qalbi nixtieq li ħadd ma jbati, ħadd ma jimrad u ħadd ma jmut. Madanakollu nitlob li fil-mard tiegħi nkun kapaċi nfejjaq. Nitlob li anke jien, int u kulħadd ikun eżempju ta’ tbatija li ssalva. Nitlob li nidħlu f’dik il-profondità li l-fejqan qabel fuq barra jsir fuq ġewwa. Nitlob li nifhem li l-aċċettazzjoni tas-salib, mhux dik passiva imma frott l-għaraq tad-demm, hija wkoll talba.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.