It-3 Ħadd tar-Randan (Ġw 4, 5-42)
Kellha l-għatx. Marret biex tixrob imma spiċċat inħaslet. U ovvjament biex tinħasel kellha bżonn tinża’. Iva, neżgħet il-maskri kollha li ma kinux iħalluha tagħraf hi min hi. Għall-ewwel għamlet reżistenza. Ma riditx turi hi min hi. Min jaf, forsi beżgħet li tiġi ġġudikata, u allura quddiemu pruvat tinħeba. Kienet imdorrija tinħeba, u ma neskludux il-fatt li kienet tmur timla l-ilma f’nofsinhar biex ħadd ma jaraha, biex ħadd ma joqgħod izekzek fuqha u ħadd ma jiġġudikaha. Inzerta li hu wkoll kellu l-għatx. Kien nofshinar, u kien għajjien mill-mixi. Tiftakar, anke meta sallbuh kien l-istess ħin u anke hemm kellu l-għatx. Kellu l-għatx li jsalva, li jfejjaq, li jaħsel.
Malli jipprova jlaqqagħha mal-verità hi tipprova taħrablu u ġġib elf argument biex ma tħallihx jiltaqa’ magħha u jlaqqagħha mal-verità tagħha nfisha. L-ewwel iġġiblu argumenti kulturali, diviżjonijiet ta’ poplu, imma ma tasalx. Il-Mulej deċiż. Imbagħad tipprova targumenta b’mod teoloġiku. Issaqsih liema kien l-aħjar post fejn wieħed seta’ jadura lil Alla. Imma hu mhux l-interess tiegħu li joqgħod jargumenta fuq ħwejjeġ ’il barra minnha u għalhekk iwieġeb: “Fl-Ispirtu u l-Verità.” (Ġw 4, 23) Dik il-verità li minnha hi kienet qed tgħaddi ħajjitha taħrab. Ġesù, b’mistoqsijiet diretti u f’waqthom iwassalha tagħraf is-sewwa. Iwassalha tinduna li hi kienet tqatta’ ħajjitha tfittex l-imħabba u ma kienx qed jirnexxilha ssibha.
Għalhekk jinsisti biex hi tmur issejjaħ lil żewġha, u hi għal darb’oħra tipprova ddur mal-lewża u twieġeb li ma kellhiex raġel. “Sewwa għedt, m’għandix żewġi. Int iżżewwiġt erba’ darbiet u dak li għandek mhuwiex tiegħek.” (Ġw 4, 18) Daqshekk ħabi! Tagħraf li ma’ dan m’hemmx ċajt. Dan bis-serjetà, tant li tasal tistqarr li kien profeta. U oħroġ il-għaġeb il-profeta ma jgħajjatx magħha, ma jċanfarhiex, ma jġegħelhiex tistħi. Fl-aħħar sabet lil xi ħadd li qalilha kulma għamlet mingħajr ma umiljaha.
U ssir appostlu. Titlaq tiġri tħabbar u tgħid li ltaqgħet miegħu. Għaliha issa ma jibqax profeta, imma jsir il-Messija, dak li ħelisha.
U int? Għadek tibża’ tkun fil-verità? Għadek tibża’ tiltaqa’ miegħu għax taħseb li ser iġiegħlek tistħi? Agħmel int ukoll bħalha, bħall-mara Samaritana. Skopri lilek innifsek kif int, midneb, nieqes mill-verità sħiħa dwarek innifsek. Ħallih jurik il-verità. Ħallih iħobbok. Ħallih jeħilsek, Ħallih ifejqek. Ħallih inaddfek. Ġesù miegħek mhux ser jimxi skont dak li ħaqqek imma skont dak li għandek bżonn. In-nies bosta drabi ser jargumentaw fuqek skont dak li ħaqqek. Hekk drajna ngħidu li l-ġustizzja hi li kulħadd jieħu skont ma ħaqqu, u ngħiduha kif inhi, mhix idea ħażina. Imma Alla jmur lil hemm minnha. Jisboqha. Alla jimxi magħna skont dak li l-iktar għandna bżonn: il-ħniena.
B’hekk Alla jippurifikana. Jagħtina ħarsa safja fuqna nfusna għax jgħallimna nħarsu lejna nfusna kif jarana Hu. Nitgħallmu nħarsu lejn il-ġewwieni tagħna b’ħarsa ta’ ħniena.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv