EUSF_Doctor

Relazzjonijiet

Il-5 Ħadd ta’ matul is-sena (Mk 1, 29-39)

Fil-ħajja ngħixu relazzjonijiet differenti. Ir-relazzjonijiet jieħdu xejra profonda jew inqas skont il-qsim tal-ħajja li jkollna mal-persuni li magħhom niltaqgħu. Għandna relazzjonijiet hekk imsejħa funzjonali li jeżistu biss biex jaqdu funzjoni; bħal dik ta’ meta tmur għand tal-ħanut biex tixtri xi ħaġa. Altru r-‘raġel tiegħi’, u altru t-‘tabib tiegħi’. Tifhmu li, għalkemm fiż-żewġ frażijiet tintuża l-kelma ‘tiegħi’ nifhmu ‘b’tiegħi’ relazzjoni differenti, sakemm ‘ir-raġel tiegħi’ ma jkunx ukoll tabib!

Hemm ukoll relazzjonijiet li huma strettament bijoloġiċi u dawn normalment huma profondi wkoll ġaladarba huma naturali; ommi, missieri, ħuti, uliedi kif ukoll marti jew żewġi.

Hemm ukoll relazzjonijiet oħra li, għalkemm mhux bijoloġiċi, huma relazzjonijiet li kważi jieħdu forma familjari bħalma huma l-ħbiberiji tal-qalb. Dawn, għalkemm ma jgawdux mill-imħabba naturali, mit-twelid, igawdu mħabba profonda li tikber mal-medda taż-żmien.

Hemm ukoll ir-relazzjonijiet f’komunità li, għalkemm mhumiex strettament naturali, jieħdu din il-forma mill-istat tal-ħajja li wieħed ikun qed jgħix; eżempju l-patrijiet u s-sorijiet isejħu lil dawk li jkunu qed jaqsmu ħajjithom magħhom ‘aħwa’.

Il-ħajja ta’ Ġesù hija wkoll mimlija relazzjonijiet. Ġesù, la kien monaku u lanqas eremita. Ħajtu kienet imżewqa b’ħafna relazzjonijiet. Kellu relazzjoni ma’ tal-familja tiegħu. Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu frażi li taħsadna ftit: “Anqas ħutu ma emmnu fih” (Ġw 7, 5). Ġesù kellu wkoll relazzjonijiet ma’ dawk li biex ngħidu hekk saru t-tieni familja tiegħu, ma’ dawk li magħhom kien jitlob u jistrieħ, jiekol: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati” (Lq 22, 15). Kellu relazzjonijiet ma’ nies li sar jaf minħabba xi ċirkustanzi, imma li mbagħad żviluppaw f’dixxipulat. Ma nkunux qed nigdbu jekk ngħidu li Ġesù kellu relazzjonijiet normali; anke jekk mhux imniżżla fid-dettall fil-Vanġeli. Id-diskorsi ta’ Ġesù ma kinux dejjem tagħlim. Ma nkunux inqarrqu bina nfusna jekk nimmaġinaw li Ġesù kellu taħditiet sbieħ ma’ ommu waqt li kienu qed jieklu u kellu diskorsi fraterni ma’ sħabu. Kellu diskorsi personali man-nies li kienu jkellmuh. Il-ħajja ta’ Ġesù kienet waħda umana; mibnija fuq tagħlim, imma anke fuq kliem tal-ħajja ordinarja ta’ kull bniedem.

Li hu żgur li kull relazzjoni li Ġesù għex ingħexet f’ottika ta’ salvazzjoni, ta’ fejqan. Illum, fil-Vanġelu naqraw din id-dimensjoni ta’ fejqan fil-ħajja ta’ Ġesù. Ġesù jfejjaq nies li ma kienx jafhom, kif ukoll ifejjaq nies li, għalkemm ma kinux relazzjonijiet strettament familjari, ħadu din ix-xejra maż-żmien. Nistgħu nimmaġinaw li l-familja ta’ Pietru saret għal Ġesù ‘it-tieni familja’ tiegħu; il-membri ta’ din il-familja saru għalih ‘ta’ ġewwa’.

Li tagħti fejqan ‘lil ta’ ġewwa’ ħafna drabi ssir ħafna iktar diffiċli milli toffri fejqan lil dawk li m’intix marbut magħhom bi ħbiberija profonda jew naturali. Mentri li tgħin lil tal-familja hija xi ħaġa naturali; li twasslilhom il-Vanġelu le. Ma’ ta’ ġewwa spiss ma jkunx hemm imħabba diżinteressata, imma aspettazzjonijiet u rabtiet li jagħmluha diffiċli ħafna li toffrilhom kelma ta’ salvazzjoni. Mhux faċli li tgħallem ’l ommok tbennen, imma kultant id-dixxiplu ta’ Ġesù huwa msejjaħ biex proprju jfejjaq ir-relazzjonijiet, anke fil-familja tiegħu. Kultant ikollu proprju jisfida lil ta’ ġewwa, jaħfer iktar lil ta’ ġewwa. Irid ikun ħieles mill-aspettazzjonijiet l-iktar naturali, u anke minn rabtiet passati. Ħafna drabi jew għax inħossuna obbligati, jew għax tal-familja jafu d-difetti tagħna, jew għax nibżgħu li ser jgħidu, “Dan ħa jgħallem lilna”, jew għax fil-passat inkunu nqasna l-iktar lil ta’ ġewwa, nibqgħu lura milli nwasslu l-fejqan tal-Vanġelu lil qrabatna stess.

Din tista’ tiġri anke ma’ dawk li aħna marbuta magħhom spiritwalment bħal aħwa fil-komunità Nisranija. Tista’ tkun faċli għalina li ngħinuhom f’dak l-ordinarju li jkollhom bżonn, imma ssir diffiċli naqbżu dak li huwa naturali u nidħlu f’dak li huwa evanġeliku.

U hawn fejn naħseb li Ġesù jridna nagħmlu l-qabża. Din il-ħaġa tista’ sseħħ biss jekk ikun hemm proċess ta’ riflessjoni u din ma tiġix mix-xejn. Tiġi biss minn ħajja intima ma’ Alla u ħajja intima ma’ Alla tirrikjedi l-ħin. Ġesù, minkejja li kellu ħajja attiva ħafna, kien isib il-ħin biex jinġabar u jitlob: “L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob” (Mk 1, 35). Ma nistgħux nippretendu li ser ikollna missjoni li ser tħalli l-frott jekk il-ħin tagħna kollu mimli, jekk m’għandniex ħin għalina nfusna, jekk m’għandniex ħin nirriflettu fuq dak li qed nagħtu u kif qed nagħtuh.

Il-ħin tal-mistrieħ, tas-skiet, tat-talb u tar-riflessjoni huwa wkoll ‘pastorali’ u jgħin fil-bini tas-Saltna t’Alla, ma’ ta’ ġewwa u ma’ ta’ barra.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.