EUSF_ExtravagantOutfit

Prinċpijiet u Profeti

It-32 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 12, 38-44)

Ilbiesi twal! Din il-frażi ma tistax ma tolqotnix, għax jien wieħed minn dawk li nilbes ilbiesi twal. Mhux jien biss, sħabi kollha insomma, xi darba jew oħra, nilbsu lbiesi twal! Nissoponi li l-problema mhux l-ilbiesi twal, sakemm dawn ma jkunux qed juru dak l-istil prinċipesk li spiss jikkritika l-Papa Franġisku. Il-problemi jiġu wara. “Jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu” (Mk 12, 40).

F’kelma waħda Ġesù qed jeħodha kontra stil ta’ ħajja, li jtellef il-profezija. Il-profeta, qatt ma kellu l-attenzjoni fuqu. Il-profeta kien isir il-messaġġ li jkun qiegħed iġorr. Ġesù jeħodha kontra l-Kittieba minħabba li ma kinux profeti. Kienu jieqfu sax-xewqa li n-nies isellmulhom fil-pjazez, joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet, iberbqu ġid ir-romol u jitolbu għal wiċċ in-nies.

F’kelma waħda l-Kittieba, u lanqas ma rridu nimmaġinaw li kienu kollha hekk, kellhom pożizzjoni imma ma kellhomx profezija. Forsi ssaqsu ‘x’inhi l-profezija’? Il-profezija hija tħabbira, bil-kliem u bl-għemil ta’ stil ta’ ħajja li jmur ’l hemm mill-mod komuni li bih aħna nivvalutaw x’inhu importanti fil-ħajja ta’ soċjetà, fir-relazzjonijiet tagħna u f’dak kollu li ngħidu u nagħmlu. Il-profezija ssib l-għeruq tagħha fil-Vanġelu u fil-ħajja ta’ Ġesù.

Ngħidu aħna, jekk il-kultura dominanti tipproponi ħajja fejn inti tiswa daqskemm hemm nies isellmulek fil-pjazez, daqskemm nies jinżlu għarkupptejhom quddiemek, il-profezija titlob li int tkun differenti u tagħżel it-triq li fiha ma tidhirx jew ma tispikkax. Jekk l-ilbiesi twal, ngħidu aħna jsiru mod kif jien nidher, niddandan u nispikka, allura mhu qed inkun profeta xejn, imma biss parti mill-kultura li tara s-siwi ta’ persuna skont x’tilbes u kemm tidher.

Jekk il-kultura dominanti tgħidli li jien niswa daqskemm għandi flus, ġejjin minn fejn ġie ġie u kif ġie ġie, allura l-profeta jrid jara li l-flus tiegħu ġejjin b’mod ġust, mingħajr ma jiksru d-dritt ta’ ħadd u jagħżel għalih mhux ħajja miżera (il-miżerja mhi tajba għal ħadd) imma ħajja sobrija, sempliċi u bilanċjata.

Din tgħodd ukoll għal dak kollu li hu spiritwali. Jien nista’ nuża d-doni spiritwali tiegħi għal wiċċ in-nies, ftit qed inkun profeta. “Għal wiċċ in-nies” hija dejjem motivazzjoni zoppa. Jekk in-nies ma jibqgħux iċapċpuli, allura nbiddel l-istil ta’ ħajja. Jekk il-ħajja tat-talb tiegħi mhux qed tgħinni nkun profeta, iġifieri li jkolli stil ta’ ħajja alternattiv, allura ftit tiswa. Nista’ ngħaddi ħin twil nitlob, inkanta, liturġiji perfetti u pinġuti, knejjes kbar u mżejna bl-ikbar ġid, imma mbagħad ma ngħinx il-foqra u ma nħallix li l-knisja tkun spazju miftuħ għal min għandu bżonn, allura qed nagħżaq fl-ilma. Il-knisja jixirqilha l-isbaħ affarijiet, kif jixraq l-istess lill-bniedem. Dawn ma jmorrux kontra xulxin, imma jmorru flimkien, basta li t-tnejn ikunu preżenti flimkien, mexjin id f’id.

Jekk il-mentalità komuni tgħidlek li iktar ma jkollok ġieħ u privileġġi iktar tiswa allura l-profeta jrid jara li l-ikbar privileġġ huwa li sservi, taqdi u tħobb.  

Dan kollu li semmejt ma jgħoddx biss għal min jilbes ilbiesi twal. Huwa faċli ħafna li wieħed jitfa’ r-responsabbiltà tiegħu fuq min jilbes libsa twila u jserraħ il-kuxjenza li l-affarijiet li jsemmi Ġesù ma jgħoddux għalih.

Mal-foqra, flus, apprezzament, ġieħ, privileġġi kulħadd għandu x’jaqsam. Infatti Ġesù jibda l-Vanġelu billi jwissina sabiex niftħu għajnejna minn dawn it-talin. F’kelma waħda qed jgħidilna ma nagħmlux bħalhom. Huwa faċli ħafna li nsib l-inkoerenzi fl-oħrajn u nserraħ il-kuxjenza li ġaladarba jien ma nilbisx libsa twila, ikolli l-privileġġ li nagħmel agħar minnhom, u nibqa’ ngħid: “Għax il-Knisja missha tagħmel hekk jew hekk.” Ħajja Nisranija hekk, tiġi farsa għal kulħadd. Nispiċċaw biss inwaħħlu f’xulxin. Min jilbes libsa twila, iwaħħal f’min jilbes qasir, u min jilbes qasir iwaħħal f’min jilbes twil.

Jagħtina l-Mulej il-grazzja li lkoll kemm aħna ngħixu b’koerenza dak li l-Mulej sejħilna għalih, kulħadd fl-istat tiegħu u bil-mod li jaqbel mal-vokazzjoni partikulari tagħna.


Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.