It-33 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 25, 14-30)
Darba smajt storja ta’ xi ħadd li kien jibża’ jħalli flusu l-bank għax kien jaħseb li l-bank seta’ jfalli, allura kien iħaffer toqba fil-ħajt, jirrombla l-flus, jitfagħhom fiha, jagħlaqha u wara li jkun kaħħalha sewwa jerġa’ jiżbogħ il-ħajt u jorqod moħħu mistrieħ li qatt u ħadd ma kien ser jinduna fejn kellu l-flus moħbija, anqas il-ħallelin. Min ser jiġih f’moħħu li joqgħod iħaffer il-knaten biex fihom isib il-flus moħbija. Forsi l-ħalliel, miskin ma tantx kienet tiġih żewġ lanqas, ladarba kien ikollu jħalli l-post bil-ġakketta mimlija żebgħa, ġaladarba l-ħajt kien dejjem fi stat ta’ wet paint. Insomma dan seħibna qal bis-sigriet tiegħu lil xi ħadd u rabtu li ma jgħid xejn lil ħadd. Dan obdieh; ma xtaqx jiksirlu kelmtu u jmur lura mill-fiduċja ta’ sieħbu. Ġara li għadda żmien, ir-raġel marad u miet, id-dar intirtet, twaqqgħet u l-ġebel intrema bil-flus kollha fih! Povru raġel! Povru sieħbu! Povri l-werrieta!
Il-biża’ hekk jagħmel! Jipparalizzak. Tħossok komdu u moħħok mistieħ fejn int u tibqa’ hemm. Dawk li fil-parabbola kellhom ħames talenti u żewġ talenti rriskjaw. Setgħu tilfu kollox imma ma beżgħux. Kienu qalbiena biżżejjed li jirriskjaw anke bir-riskju li jitilfu kollox. Żgur li s-sid ma kienx ser jirrabja magħhom, almenu kien jara l-isforz tagħhom li ħadu riskju.
Hawn Ġesù żgur li mhux qed jitkellem fuq xi attività ekonomika, fuq xi business, imma qed jitkellem fuq is-saltna t’Alla. Dan id-diskors hu maħsub għal min irċieva xi don biex jibni s-Saltna tiegħu fuq l-art. Din il-parabbola trid twasslek biex tagħmel il-frott bid-doni li Alla tak fil-bini tas-Saltna tiegħu. Huwa maħsub għad-dixxipli tiegħu, għall-Knisja.
Għax aħna fil-knisja spiss jista’ jiġrilna bħal dak li ħeba t-talent. Spiss nistgħu ninqabdu fit-tentazzjoni li nibqgħu nduru fl-istess roqgħa ħaxix; nippassiġġaw fuq il-passi tagħna stess u nduru u nagħqdu wara denbna. Faċli nibżgħu mill-inizjattivà, u arana nikkritikaw lil xi ħadd li għamel xi ħaġa ġdida, saħansitra ngħidu li hu miġnun, li jrid jilgħabha tal-modern u nippruvaw nitfu l-ispirtu u l-entużjażmu li l-Mulej ikun żera’ fih. Għandna bżonn insara li kapaċi joħolmu.
Faċli li l-biża’ jaħkimna meta xi ħadd jitqanqal mill-Ispirtu, u flok ninkuraġġuh, inħeġġuh jaħbi t-talenti tiegħu. Kemm drabi fil-knisja għedna kliem bħal: ‘Imma dejjem hekk għamilna.’ Meta ntennu din il-frażi nkunu qed ngħidu l-ikbar gidba li nistgħu ntennu, u nafu li l-gideb huwa dnub! Kif jista’ jkun minn dejjem? Wara kollox mhux Alla biss kien minn dejjem? Kemm-il darba nittieklu minn nostalġiji għall-passat u nkunu rridu nirriproduċu sistemi u ħidmiet li kienu jaħdmu f’soċjetajiet kompletament jew kważi differenti minn dawk tal-lum? Kemm irridu nsalvaw binjiet u strutturi li fi żmienhom qdew tajjeb il-funzjoni tagħhom, imma llum saru jgħidu ftit jew ma jgħidu xejn? Kemm enerġiji moħlija! Kemm jiġrilna li niffissaw fuq in-numri, bħal donnu n-numri huma xi metru eżatt tas-suċċess? Anqas is-sid tal-parabbola ma kien iffissat bin-numri għax lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn u lil ieħor wieħed.
Immaġinaw ftit kieku l-qaddisin ħbew it-talent u ma ħallewx l-Ispirtu joħlom u joħloq! Immaġinaw kieku xi Knisja medjokri għandna. Il-qaddisin ma beżgħux. Kienu oħrajn li beżgħu, dawk li kienu komdi jħaffru fil-ħamrija u jaħbu t-talent. Mhux tnejn jew tlieta kkunsidrawhom imġienen, imma dak li jkun minn Alla jseħħ, u Alla huwa dejjem ġdid. Nispiċċaw neħlu fil-forma u ninsew is-sustanza.
Għandu raġun Papa Fraġisku meta f’paragrafu 41 ta’ Evangeli Gaudium jikteb:
Bl-intenzjoni qaddisa kollha li nwasslulhom il-verità dwar Alla u dwar il-bniedem, f’xi okkażjonijiet inkunu qed ngħaddulhom alla falz jew ideal uman li mhux tassew Nisrani. B’dan il-mod, inkunu fidili lejn formulazzjoni partikulari imma ma nkunux qed ngħaddu s-sustanza. Dan hu l-agħar riskju. Inżommu f’moħħna li l-espressjoni tal-verità jista’ jkollha diversi suriet, u t-tiġdid tas-suriet ta’ espressjoni hu meħtieġ biex nistgħu ngħaddu lill-bniedem tal-lum il-messaġġ tal-Vanġelu fit-tifsira tiegħu li ma tinbidilx.
Il-Papa, bla ma jaf jidentifika x’kienet il-problema ta’ dak li mar ħeba t-talent tiegħu fil-ħamrija, kellu viżjoni ħażina ta’ min kien sidu. Aħna wkoll jista’ jkollna idea ħażina ta’ min hu Alla, u nispiċċaw noħolqu u nippreżentaw alla falz. Il-Mulej iħarisna milli jiġrilna dan!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv