Il-15-il Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 6, 7-13)
Stramba din! Bagħathom b’ta’ fuqhom senduqhom! Imma Ġesù li jaf sew il-qalb tal-bniedem, jaf li l-ġid tal-art faċli jagħmel lill-bniedem skjav tiegħu u jnessih minn fejn beda u fejn għandu jasal. Matul it-triq, il-mibgħut għax-xandir tal-Kelma faċli li ċerti affarijiet li jiltaqa’ magħhom jinżlulu iktar ħelwin mill-vokazzjoni tiegħu li jxandar, u kapaċi jeħel magħhom u jinsa lil min bagħtu u għalfejn bagħtu.
Biex dan ma jiġrix Ġesù lid-dixxipli tiegħu jibgħathom tnejn tnejn biex f’każ li wieħed jinsa għalfejn qiegħed fit-triq, l-ieħor ifakkru. Jibgħathom tnejn tnejn biex ikunu ħarriesa ta’ xulxin. Kemm hu faċli li meta wieħed jagħmel missjoni waħdu, il-missjoni ssir tiegħu. Jekk ma jkunx hemm xi ħadd li jwieżnu fil-mumenti diffiċli, faċli jaqta’ qalbu. Jekk ma jkunx hemm xi ħadd li jumiljah xi ftit meta jaħseb li laħaq is-sema b’idu faċli li jibda jħossu perfett u jara lill-oħrajn dubbien. Faċli li jagħmel mill-missjoni tiegħu spettaklu u jinqeda biha biex isir popolari u jimla l-vojt li jkun qed jimla ’l qalbu. Meta x-xandir tal-Kelma jsir bejn tnejn, l-attenzjoni ma tkunx fuq wieħed waħdu u ħadd ma jseħħlu jisraq ix-xena.
Ġesù jordnalhom biex ma jieħdu xejn magħhom. Meta wieħed jitlaq għall-missjoni mimli kumditajiet faċli ħafna li ma’ kull intopp li jsib fit-triq isib rifuġju fil-kumdità tiegħu, u ikbar ma jkun kbir ir-rifuġju iktar ikun diffiċli li joħroġ miż-żona ta’ konfort u stabbiltà tiegħu. Ġesù jordnalhom biex għat-triq ma jieħdu xejn magħhom ħlief ħatar. Il-ħatar huwa simbolu tal-fiduċja f’Alla u l-qawwa tiegħu. Mosè ma kellu xejn ħlief ħatar, imma b’dak il-ħatar (meta sar serp) għaġġeb lill-Faragħun. Bil-ħatar feraq il-Baħar l-Aħmar u ħareġ l-ilma mill-blat ta’ Meriba.
Jekk tieħu xi ħaġa miegħek dejjem hemm ir-riskju li biex tiġi aċċettata l-Kelma twiegħed jew tagħti rigali, ovvjament għax għandek minn fejn tagħti. Imma r-rigali huma b’xi mod qarrieqa, għax bihom anke jekk ma tafx jinxtraw il-qlub. Imma meta jispiċċaw ir-rigali, x’jibqa’? Tibqa’ int b’Kelma li mhux tiegħek. Min jilqagħha jasal jilqagħha għax hija Kelma vera fiha nfisha u mhux għax magħha hemm marbut xi rigal jew sodisfazzjon.
Ġesù jgħid ukoll li meta jidħlu f’xi dar jibqgħu fiha sa ma jitilqu minn hemm. Ġesù jrid li l-missjunarju, dak li mibgħut ixandar il-Kelma, qatt ma jħossu sid jew padrun imma dejjem mistieden. Meta wieħed ikun f’xi familja jrid jitlob għal kull ħaġa; jekk ma tawhx tazza fejn iferra’ boqqa ilma jrid jagħmel wiċċu u bi prudenza jitlob għal tazza. Ikun pastaż jekk jaqbad u jqum u jmur iġib tazza mill-cupboard tal-kċina. L-istess biex imur sal-bathroom irid jitlob permess. Ġesù darb’oħra qal: “Kulu u ixorbu milli jkollhom huma” (Lq 10, 7), iġifieri toqogħdux tagħżlu u tippretendu.
Dan il-Vanġelu jrid jeħles lid-dixxiplu minn kull pretensjoni; id-dixxiplu ma jistax jagħmel il-kundizzjonijiet hu tal-missjoni. Ir-riferiment għal-libertà huwa wieħed ċar meta l-Mulej jordnalhom biex jilbsu l-qrieq. Meta Alla l-Imbierek jagħti l-istruzzjonijiet dwar kif għandha tittiekel l-ikla tal-Għid qabel it-tluq tagħhom mill-Eġittu, il-Mulej Alla jordna lill-poplu: “U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f’riġlejkom u bil-ħatar f’idejkom u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej” (Ġen 12, 11).
Ġesù jaf ukoll li matul it-triq id-dixxiplu ser jiltaqa’ ma’ diversi inkomprensjonijiet; u wieħed faċli jaqta’ qalbu meta jara li ħadd ma jrid jisma’ l-messaġġ li għandu xi jwassal. Ġesù jagħti ordni biex fejn il-messaġġ ma jintlaqax, meta f’xi post ma jintlaqgħux ifarfru t-trab minn taħt saqajhom. Xi jrid jgħid il-Mulej? Qed jgħidilna biex ma neħlux mal-falliment li l-Kelma ma ġietx milqugħa. Kemm jiġrilna li meta ma jaċċettawniex inħossuna falluti, naqtgħu qalbna u nieqfu. Imma f’dal-mument tajjeb insaqsu: “Imma jien fix-xandir tal-Kelma, x’kont qed infittex li niġi aċċettat jew li nwassal Kelma li bagħtuni nxandar?” Ġeremija jasal jistqarr: “Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt, kont aqwa minni u għelibtni” (Ġer 20, 7). Sant’Antnin ta’ Padova, meta ra li ħadd ma jrid jisma’, jispiċċa jipprietka lill-ħut! Allura Ġesù jippreparana mill-bidu għall-fatt li l-Kelma ser issib reżistenza minn ħafna. It-tentazzjoni tkun dejjem li tbiddel il-messaġġ biex ma tinqabadx waħdek. Imma, f’dak il-mument, tkun tlift il-messaġġ u begħt ruħek.
Id-dixxipli telqu jxandru u għadhom iterrqu sal-lum. Anke llum għad għandna dixxipli li jħeġġu għall-indiema, oħrajn li bil-preżenza tagħhom ikunu balzmu ta’ fejqan fl-ambjenti li jterrqu fihom. Oħrajn jiġġieldu l-ħażen u l-inġustizzji. Mhux dejjem faċli, hawn min ċarċar demmu biex ikompli jterraq u hawn min għamlulu ħajtu infern, imma baqa’ jxandar.
U int għadek itterraq twassal l-aħbar t-tajba ta’ Ġesù?
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.