Ir-4 Ħadd tar-Randan (Ġw 3, 14-21)
Fariżew kien Nikodemu. Moħħu forma ta’ liġi! Madanakollu jmur għand l-Imgħallem. U dan Ġesù għandu ħabta li lil min jirraġuna wisq b’qalbu jgħinu juża naqra iktar moħħu u lil min jaħseb iktar b’moħħu jgħinu jagħraf iktar b’qalbu. Nikodemu ma jistax jifhem xi tfisser titwieled mill-ġdid. Forsi fil-kodiċi tal-liġi Lhudija dan it-terminu ma kienx jintuża. U allura Ġesù jkellem lill-qalb: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fiH ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16).
Min jemmen fl-imħabba jsalva. Ġesù jgħid li meta ser jintrefa’ ’l fuq ser jiġbed lill- bnedmin kollha lejh. Ġesù qed jistedinna biex inħarsu lejn il-Kurċifiss u nemmnu. Hija din l-imħabba li ssalva, li tfejjaq. Quddiem il-Kurċifiss jien jista’ jkolli reazzjonijiet differenti. Nista’ nirrabja għal Alla li tilef, li ħalla lil kulħadd jagħmel li jrid bih, li ħalliehom jobżqulu, jgħajruh jew isallbuh. Nista’ nirrabja għal Alla li ħalla lil Ibnu jissammar ma’ salib mingħajr ma għamel xejn. Nista’ nkompli nirrabja għax Alla donnu anke llum ma jagħmel xejn quddiem il-ħażen fid-dinja. Din hija l-kundanna, li fis-salib nara biss storja li spiċċat ħażin, Alla li jastjeni li jagħmel xi ħaġa, li ma jiħux pożizzjoni. Nirraġuna: “La ma jagħmel xejn hu nagħmel xi ħaġa jien.” Jiġrili iżda li ninsa li rabja ġġib rabja, sejf iġib sejf u vjolenza ġġib vjolenza.
Min-naħa l-oħra nista’ nħares lejn il-Kurċifiss u nemmen fl-imħabba u dik l-imħabba ssalvani.
Il-Kurċifiss jgħallimni l-Fedeltà. L-Iben ta’ Alla jibqa’ fidil sal-mewt għall-messaġġ ta’ mħabba li kellu jwassal.
Il-Kurċifiss jgħallimni nkun Iben. Alla bagħat lil Ibnu għax l-Iben biss seta’ jgħidilna: “Kif ħabbni l-Missier, hekk ħabbejtkom jien, ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15, 9). Fedeltà u mħabba sal-mewt!
Il-Kurċifiss jgħallimni li mal-Verità ma nilgħabx. Hu stess jgħid fl-aħħar versi tal-Vanġelu li smajna jgħid li min hu fil-verità m’għandux għal xiex jibża’. Jibża’ min hu giddieb għax jaf li llum, għada jew pitgħada s-sewwa jirbaħ. “Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu” (Ġw 3, 20).
Il-Kurċifiss jgħallimni li biex nagħti l-ħajja lil xi ħadd irrid immut għalih. Kull mewt, li hija frott ta’ għotja, dejjem ser tħalli l-ħajja f’xi ħadd.
Dawn huma xi ftit mill-grazzji li jiġru fina meta nħarsu bil-fidi lejn il-Kurċifiss. Hu ntrefa’ ’l fuq, jonqos issa li aħna nħarsu lejh bil-fidi u nħalluh ifejjaqna.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.