Nawfraġju ta’ San Pawl (Mk 16, 15-20)
Ċerti elementi fir-rakkont li għandna kemm smajna jistgħu b’xi mod inisslulna tbissima. Almenu hemm żewġ fatti żgħar li jiddeskrivu lil missirijietna. Fatt ħelu huwa dak li l-Maltin ta’ dak iż-żmien biddlu l-idea tagħhom fuq Pawlu f’nifs wieħed. Gidmitu l-lifgħa u mill-ewwel, mingħajr l-iċken dubju jew perplessità ġġudikawh bħala qattiel. U donnu r-raġunament tagħhom kien jagħmel sens: “Dar-raġel żgur li qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-ġustizzja ma ħallitux jgħix!” (At 28, 4) Imbierek dak l-ilsien! Jiġri li Pawlu ma jmutx, u Luqa (bi tbissima fuq fommu waqt li jikteb) jgħidilna: “Wara li raw li ma ġralu xejn, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.” (At 28, 6) Minn estrem għall-ieħor, minn “qattiel” għal “xi alla”.
Ħaġa oħra li tista’ tnisslilna tbissima huwa l-fatt li San Luqa lilna bil-Grieg, il-lingwa li biha kiteb, isejħilna Barbaroj (Barbari). Jekk tmorru taqraw din is-silta bit-Taljan issibu l-kelma “indigeni”. Insomma ż-żewġ kelmiet, għal min hu daqsxejn fonqla, kapaċi jidhru xi ftit offensivi. Imma x’ried jgħid Luqa meta sejħilna Barbari? Kulma ried jgħid li n-nies ta’ fuq il-gżira la kienu jitkellmu Latin u lanqas Grieg. Ma kinux jitkellmu bil-lingwi kkulturati ta’ dak iż-żmien.
Forsi tgħidu allura kif Pawlu prietka l-Vanġelu fuq il-ġżejjer tagħna? Skont il-Bibbja Pawlu lanqas biss lissen kelma waħda. Pawlu li dejjem jipprietka, li ġera d-dinja kollha jxandar Ismu, f’Malta ma nsibu miktub li qal xejn. Allura kif ħabbru l-Vanġelu? Jekk inkomplu naqraw ir-rakkont insibu miktub hekk: “Missier Publiju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-diżinterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejqu. “Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda kollha tal-gżira, u hu fejjaqhom.” (At 28, 8-9)
Pawlu jxandar il-Vanġelu billi jidħol ħdejn missier Publiju, jitlob u jfejjaq. Dan jurina li l-Vanġelu ma nxandruhx bil-kliem biss, imma anke bl-għemil, u l-għemil li jissieħeb max-xandir tal-Vanġelu huwa l-fejqan. Anke fil-Vanġelu tal-lum għadna kemm smajna li Ġesù jibgħat lill-Appostli jxandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu u jgħidilna li wieħed mill-mirakli li jsieħbu ’l dawk li jemmnu huwa propju li jqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.
Tafu intom li Ġesù minn kull fejn għadda, fejjaq u għamel il-ġid. Min iltaqa’ ma’ Ġesù, fetaħ qalbu. Xi wħud fiequ fiżikament, u oħrajn fiequ fl-imħabbiet tagħhom. L-adultera fieqet fil-mod li bih kienet tħobb. “Ħadd ma kkundannak mara, anqas jien. Mur tidnibx iktar.” Il-mara minn Samarija wkoll fieqet fl-affetti tagħha. Żakkew, dipendenti fuq il-flus, jasal jagħti lura kulma seraq. Pietru wara ħafna, tgħallem jafda fih.
U dan nawguraw li jiġri lil kull wieħed u waħda minna. Nibda minni nnifsi. Fid-dawl ta’ Ġesù nindunaw li aħna għandna bżonn ta’ fejqan. Faċli nindunaw li għandna bżonn ta’ fejqan fiżiku minħabba l-iskumditajiet li l-mard fiżiku jġib miegħu. Imma hemm bosta mard ieħor li għalkemm iweġġagħna, nemmnu li xorta nistgħu nibqgħu għaddejjin. Nemmnu li wara kollox, la mxejna s’issa bit-tali kumplikazzjoni, jew uġigħ il-qalb nistgħu nkomplu għaddejjin imma ma nindunawx li flok nimxu nkunu qed interrqu. Flok ngħixu nkunu qed neżistu. Ħafna drabi hemm bżonn nindunaw li rridu nfiqu fl-imħabbiet tagħna. Kemm drabi nħobbu imma b’mod kundizzjonat: ‘Inħobbok jekk…’ ‘Inħobbok però…’ ‘Inħobbok imma…’ Kemm ma nindunawx li bosta drabi l-bżonnijiet tagħna jagħmuna fuq dawk li huma l-bżonnijiet tal-oħrajn, u flok infejqu immarrdu lil dawk li jkunu madwarna.
Kemm hemm bżonn infiqu f’dawk li huma l-memorji passati tagħna! Kemm jiġrilna li għadna nġorru weġgħat li ġraw fil-passat! Kemm hemm bżonn ninħelsu minn affarijiet li sirna skjavi tagħhom!
Alla minn dan kollu jrid ifejjaqna. Ejjew ma nibżgħux nibdew il-mixja tal-fejqan. Ħafna drabi ma nfiqux għax qatt ma niddeċiedu li rridu nibdew mixja ta’ fejqan. Iva, veru, ċerti mixjiet ta’ fejqan huma twal. F’ċerti każi mhux biżżejjed parir tajjeb, imma jkun hemm bżonn għajnuna professjonali u ħafna talb.
U hekk meħlusa, jew fi proċess ta’ ħelsien, aħna wkoll inkunu nistgħu nkunu xandara tal-Aħbar, u bi kliemna u għemilna nnisslu l-paċi fi qlub għajjiena. Insiru bħal Maltin ta’ żmien San Pawl (u hawn ħa niġbor ġieħi). Insiru nies li nuru mal-oħrajn: “Ħlewwa liema bħalha.” (At 28, 1) Il-kliem tagħna jsir kliem li jfejjaq u mhux kliem li, frott l-egoiżmu, ikisser u jigdeb fuq l-oħrajn. Il-preżenza tagħna ssir preżenza li tagħti direzzjoni. Anke l-imħabba tagħna tfiq. Lil ta’ madwarna nibdew narawhom kif jarahom Alla, b’rispett u mħabba, ma nużawhomx iktar biex nissodisfaw il-bżonn tagħna li nkunu maħbuba.
Il-qalb ta’ kulħadd hija xi ftit imxellfa, muġugħa. Madankollu ejjew nibdew infiqu u nfejqu!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv