It-2 Ħadd ta’ matul is-sena (Ġw 1, 35-42)
Nistqarr magħkom li ma kien xejn faċli nipprepara dan il-ħsieb bħala kumment għall-Vanġelu li qed jiġi preżentat lilna llum. Moħħi weħel ma’ mistoqsija li ftit li xejn ħallietni kwiet. Ħawditni l-prontezza, il-ħeffa kif dawn id-dixxipli marru wara Ġesù. Imxew ftit warajh u għamlu ftit sigħat miegħu (il-Vanġelu jgħidilna li xħin marru warajh kienu għall-ħabta tal-4pm). Kemm setgħu damu miegħu? Imma fuq kollox fil-ħin li għamlu miegħu, x’raw li laqathom daqshekk? Emmnuni nħraqt ftit għall-awtur tar-raba’ Vanġelu li ma jagħtiniex deskrizzjoni ċara ta’ dak li laqathom f’Ġesù, ta’ x’qalilhom! Kollox enigmatiku. Ġwanni, jarah, jagħrfu u jindikah bħala l-Ħaruf t’Alla, imorru warajh, Ġesù bħal donnu jħosshom, iħares lura u jsaqsihom xi jridu. Flok iwieġbu xi jridu, isaqsuh mistoqsija fejn kien joqgħod. Xejn! Lanqas indirizz m’għandu! Jistedinhom biex imorru jaraw. Imorru miegħu u joqogħdu miegħu! Imma x’raw? Ajma dik l-imbierka kurżità!
Imbagħad qgħadt kwiet, u indunajt li qed naqbad il-Vanġelu minn denbu, pruvajt inneħħi l-ansja li jkolli risposti faċli, u nipprova nsib dak li ma nistax insib. Dan il-Vanġelu għandu ftit kronaka imma huwa wisq iktar profond mill-mistoqsija tiegħi għal x’raw id-dixxipli f’dawk l-ewwel ftit sigħat li għamlu ma’ Ġesù.
Dan ir-rakkont isib ruħu fil-bidu tar-raba’ Vanġelu. L-awtur jibda b’dak li nsejħulu ‘prologu’ li jinqara fil-quddiesa tal-Milied filgħodu li jibda: “Fil-bidu kien il-Verb, il-verb kien Alla” (Ġw 1, 1). Imbagħad għandna x-xhieda tal-Battista, il-Magħmudija ta’ Ġesù, l-identifikazzjoni tal-Mulej bħala l-Ħaruf ta’ Alla, u wara dan il-bidu tal-vjaġġ tal-ewwel dixxipli.
L-awtur qed ipoġġi l-pedamenti tan-narrazzjoni tiegħu. Qed jippreżenta l-karattri.
F’dawn l-ewwel kapitli għandna ideat ċari ħafna. Ġwanni jibda jintefa biex jibda jidher id-Dawl veru. Ġwanni, mhux umli baħnan li jħalli lil Ġesù jisraqlu d-dixxipli, imma tant hu fil-verità li lest jagħmel dak li dejjem kien emmen: “Jeħtieġ jikber Hu u niċkien jien” (Ġw 3, 30). Il-qofol tal-missjoni tiegħu kienet, mhux li jikkapparra dixxipli għalih, imma li jwassalhom għand dak li kien qed ixandar. Forsi nista’ nsaqsi: “Jien inqabbad l-għatx għal Alla? In-nies irridhom warajja jew warajH?”
Min-naħa l-oħra anke d-dixxipli huma mħarrġa li jixxennqu għall-ġdid li għandu jiġi. Jafu li l-mixja tagħhom wara Ġwanni kellha tieqaf hekk kif ifeġġ Ġesù. Ġwanni kien ħarriġhom biex ikunu tant liberi li jitilquh, u hu tant liberu li jħallihom imorru. Huma preparati biex f’ħajjithom jaċċettaw bidla, u huma mxennqa għaliha din il-bidla. Huma l-pont bejn l-Antik u l-Ġdid Testment u huma qed jinawguraw dan il-bidu ġdid. Insaqsi: “Kemm inħalli l-ġdid ta’ Alla jimlieni bit-tama u ma ningħalaqx f’passat komdu, imma bla ħajja?”
Dan il-ġdid, mhux neċessarjament ħa jkun ward u żahar. Meta Ġesù jiġi identifikat bħala l-Ħaruf, hija ċara għal dawn id-dixxipli li “Ħaruf” tfisser sagrifiċċju. L-evanġelista, qed jitfagħna mill-ewwel fil-perspettiva tas-sagrifiċċju, ta’ Messija li jagħti ħajtu. Forsi daqshekk kielu ġradijiet imma kellhom jixorbu l-kalċi. Ma ninsewx li l-problemi ma’ Ġesù eskalaw f’qasir żmien. L-inkwiet mill-ewwel beda, u wara dan l-episodju Ġwanni ma jdumx ma jiġi maqtul. Ġa fil-Kapitlu 2 ta’ dan il-Vanġelu Ġesù jidħol it-Tempju u jaqla’ paniku.
Allura tiġi naturali l-mistoqsija li jpoġġi l-evanġelista fil-bidu tal-Vanġelu tiegħu. Lill-ewwel dixxipli Ġesù qed isaqsihom “Xi tridu?” Niftakar li l-ewwel mistoqsija li għamilli r-rettur fil-bidu tal-mixja saċerdotali tiegħi kienet: “Għalfejn ħabbatt il-bieb tal-kunvent?” Mistoqsija li spiċċajt insaqsiha jien lill-oħrajn, iktar ’il quddiem. Malli jien nersaq lejn Ġesù, irrid insaqsi, “Xi rrid? X’nixtieq? X’qed infittex?” U f’ġieħ kemm hemm, b’kull rispett lejn kull xewqa li għandna f’qalbna, imma ma nersqux lejn Ġesù b’xewqat infantili, qisna qed nitolbu xi ħaġa lil Father Christmas. Xi tridu? Forsi mhux li jkollna sens fil-ħajja! Imma huwa essenzjali li jekk ħa tiddeċiedi li timxi wara Ġesù trid tkun taf xi trid. Anke jekk Ġesù ħa jippurifikalek ix-xewqat tiegħek, għax xi wħud mhu ser iwassluk imkien, jew ħa jdaħħluk ġo ħajt, imma li tagħraf x’hemm f’qalbek jibqa’ l-ikbar pjaċir li qatt tista’ tagħmel lilek innifsek.
Il-Mulej jistedinhom biex imorru jaraw u hawn hi l-esperjenza. Riedu jaraw fejn jgħammar. U raw. Ir-risposta ma tinstabx f’dawk il-ftit sigħat li qattgħu ma’ Ġesù, imma tinstab fir-rakkont ta’ dan il-Vanġelu. Fis-sigħat li ser tqatta’ taqra l-Vanġelu ta’ Ġesù hemm ir-risposta li dan hu l-Messija. Id-dixxiplu li kien ma’ Indrì ma nafux x’jismu, huwa int, li ma’ Indrì ser tagħmel l-esperjenza tad-dixxiplu. Għadna fl-ewwel 15-il ġurnata tas-sena. Tista’ int ukoll tmur tara fejn jgħammar Ġesù. U kif naqraw fil-bidu tal-Vanġelu, eżattament fl-ewwel għaxar versi. Ġesù huwa fi ħdan il-Missier. Għalhekk din il-mixja ħa twasslek tiltaqa’ mal-Messija, li jpoġġik direttament fi ħdan il-Missier, fejn kollox jagħmel iktar sens. Xi ġmiel ikun kieku fil-bidu ta’ din is-sena terġa’ tibda taqra l-Vanġelu, timxi ma’ Ġesù u tibqa’ ma’ Ġesù u int ukoll tgħid: “Sibna l-Messija.”
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.