It-22 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 16, 21-27)
M’hemmx għalfejn induru wisq mal-lewża. Pietru jaqlagħha u bil-kbir. Ġesù jsejjaħ lil Pietru, l-ewwel Papa, ‘Xitan’. Qbadna miegħu miskin! U għalfejn isejjaħlu xitan? Għax qed jipprova jħawwad il-pjan ta’ Alla fuq Ġesù. X’kien il-pjan ta’ Alla fuq Ġesù? Imħabba li tfisser salib! Pietru kien qed ifixkel lil Ġesù milli jagħmel ir-rieda ta’ Alla, ma ridux jaċċetta s-salib. Anke Ġesù s-salib ħassu iebes, imma quddiem is-salib Ġesù jitlob talba perfetta: “Jekk jista’ jkun, Missier, ħa jitwarrab minni dan il-kalċi, imma mhux li rrid jien imma li trid int.” (Mt 26, 39)
X’talba! Kemm għadna bżonn nitolbuha. Ħafna drabi aħna nieqfu fuq l-ewwel biċċa tagħha. Is-salib ibeżżagħna, ma rriduhx, u dan huwa normali. Imma Ġesù ma jridniex normali, iridna bnedmin tal-Vanġelu. Kemm pjanijiet nagħmlu! U mbagħad jitfaċċa s-salib u jħarbtilna kollox. U hawn jidħol Ġesù mhux biex ineħħi s-salib imma biex iġorru magħna. Ara qatt naħsbu li jekk ma nfiqux, li jekk is-salib ma jitneħħiex; dan ikun għax Alla ma semagħniex jew għax tlabna ħażin. Il-fejqan huwa don, imma n-nisrani jmur ’l hemm mill-fejqan fiżiku, imur ’l hemm mill-eliminazzjoni tas-salib. In-nisrani ma jfittix it-tbatija, imma meta tiġi fuqu jħaddanha bil-ferħ. Mhux faċli, tafux! Faċli tgħidha, jew tiktibha. Niftakarni ngħid darba lil waħda mara żagħżugħa li kienet qed tiġġieled il-mard: ‘Jalla meta tiġi fuqi, xi ħaġa bħal dik li qed tiġġieled int, ikolli imqar nofs l-ispirtu li għandek int.’ ‘Għandi fiduċja kbira u mingħajr kundizzjoni f’Alla,’ niftakarha tgħidli.
X’qawwa għandha t-talba ta’ Ġesù: “Ikun li trid int.” Kemm teħilsek! Kemm tilliberak! Kemm jiġrilna li aħna rridu biss li tgħaddi tagħna; irridu biss l-imħabbiet tagħna; irridu biss is-suċċess, imma kemm aħna msieken meta ninsew li ħajjitna mhix tagħna, hija biss mislufa lilna. Kemm niġġieldu kontra r-riħ, meta niġġieldu s-salib. Nafu, niġġieldu r-riħ huwa biss ħela ta’ enerġija u daqqiet fil-vojt.
Waħda mill-isbaħ grazzji li nistgħu nitolbu lill-Mulej hija dik li jagħmel minna xhieda, anke meta jżurna s-salib. Minn ħdan il-kurċifiss baqgħet ħierġa l-imħabba. Imsallab u jaħfer. Akkużat bil-qerq, imma minnu baqgħet ħierġa l-verità. Mifluġ taħt salib, imma minnu baqgħet ħierġa l-kompassjoni. Jaf li dak li kien qed jiġri ma kienx sewwa, u anqas Alla ma riedu, imma Alla għażel is-salib biex ikun risposta għall-ingratitudni tal-bnedmin. L-ingratitudni ssalvaha biss bl-imħabba; billi titlef ħajtek.
Iltqajt ma’ ħafna nies imġarrba, u minkejja li jibku, jibqgħu fil-paċi. Dawn huma dawk li jitkellmu jgħajtu dwar is-sens li hemm fit-tbatija. ‘Ħadd ma qalli li ġejt fid-dinja għal xi vaganza,’ qalli darba xi ħadd.
Iebes ħafna dal-kliem imma ejjew nemmnu tassew li fir-rieda ta’ Alla huwa s-sliem tagħna. Alla mhux ser jitkaża bina meta nonfħu, nibku, negħjew bis-salib fuq spallejna. Irid biss iweżinna. Le, ma jitkażax bina, anzi jrid ilaqqagħna ma’ nies li jgħaddu minn ħdejna, huma wkoll bis-salib fuq spallejhom u minkejja dan ikunu kapaċi jiftħu jdejhom u jħaddnuna. Hija grazzja li rridu nitolbu. Ġesù wegħidna li mhux ser jiċħadilna l-Ispirtu tiegħu jekk nitolbuhulu.
Erfa’ salibek u imxi warajh!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv