Is-26 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 9, 38-43. 47-48)
Illum il-Vanġelu jlaqqagħna mar-reżistenza tal-Appostli għal xi ħadd li kien qed jagħmel il-ġid f’isem Ġesù imma li s-soltu ma kienx ikun magħhom. Immaġinaw naqra kieku raw lil xi ħadd li kien qed jgħid jew jaħdem kontrihom.
Tal-għaġeb aħna l-bnedmin. Meta xi ħadd jagħmel il-ġid imma mhux minn tagħna rridu nwaqqfuh u meta xi ħadd jaħdem kontrina nkunu rridu nieqfu aħna għax nibżgħu minnu. Fiż-żewġ każi nħossuna martri. Meta xi ħadd jagħmel il-ġid u mhux minn tagħna nħossuna martri għax nibdew nibżgħu li ser jirnexxi iktar minna, nibżgħu li ser iqabbluna miegħu, l-iktar l-iktar jekk ikun qed jagħmel l-affarijiet aħjar minna jew qed jgħaddina fis-suċċess u l-popolarità. Ġesù jisfidana biex aħna nkunu kapaċi nifirħu bil-ġid li jkun qed jagħmel ħaddieħor.
Meta niftakru li kemm issa u mal-medda taż-żmien minn mindu Alla sebbaħ id-dinja bil-Vanġelu, bosta Nsara ħutna kellhom isofru tbatija qalila għax kienu xhieda, tassew għandna għalfejn nikkunsidraw l-atteġġjamenti tagħna li nwaqqfu lil xi ħadd milli jxandar għax mhux magħna bħala atteġġjamenti tassew infantili.
Għall-imħabba u l-verità tal-Vanġelu bosta minn ħutna taw ħajjithom kollha sat-tixrid ta’ demmhom. Huma x-xhieda pereċċellenza tal-fidi mwettqa fil-prattika. Huma dawk li kellhom il-kuraġġ jirċievu l-libsa tal-magħmudija fil-festa tal-Għid minkejja konxji li f’qasir żmien setgħet issir ħamra bid-demm tal-martirju.
Ġieli nisimgħu, u sfortunatament ma nisimgħux biżżejjed li f’pajjiżi xi ftit jew wisq ’il bogħod minna diversi Nsara jxerrdu demmhom għall-fidi. F’diversi postijiet oħra fid-dinja, l-iktar fin-naħat tagħna, fortunatament m’għandniex martri tad-demm. Imma dan ma jfissirx li ma jeżistux forom oħra ta’ martirju; huwa l-martirju ta’ min, għax ixandar il-verità u s-sbuħija tal-fidi Nisranija jiġi rredikolat jew ħalqu magħluq. Anke fostna ssib komunitajiet u persuni li jgħixu l-fidi Nisranija fir-radikalità tagħha. Dawn il-persuni faċli jiġu rredikolati jew meqjusa dejqa u antikwati.
Aħna, id-dixxipli ta’ Ġesù, fiż-żmien tal-lum nafu li aħna għandna nkunu ta’ spalla, għajnuna, kuraġġ u ħniena għal kull min dineb, għal kull min is-sitwazzjoni personali tiegħu mhux bilfors u dejjem kienet, jew għadha koerenti, mal-Vanġelu. Dan minħabba l-fatt li l-komunità ta’ Ġesù hija stess hi suġġett għad-dnub u l-infedeltà lejn il-Vanġelu. Fl-istess ħin id-dixxiplu ta’ Ġesù ma jistax jibqa’ sieket quddiem forom ta’ dnub organizzati, quddiem forom espliċiti li, minħabba xi interess jew ieħor, iġibu fix-xejn is-sbuħija tal-Aħbar it-Tajba.
Biex ma nispiċċawx vittmi tal-martirju jista’ jiġri li nbigħu l-fidi tagħna għal ftit ċenteżmi: popolarità, interessi ekonomiċi, mistħija. In-Nisrani, kultant, quddiem il-verità tal-Vanġelu jispiċċa jibża’ jxandar għax jaf li hu wkoll ma jlaħħaqx mal-ideali li jipproponi. Jibda jemmen li biex ixxandar il-verità tal-Vanġelu trid tkun perfett. Imma l-verità hi li mhux vera li biex ixxandar il-Vanġelu trid tkun qisek xi anġlu miexi fl-art. Kemm nies li qed isofru minn xi vizzju u dgħufija, ġenwinament ikunu jixtiequ li n-nies li jħobbu ma jgħaddux mill-istess jasar tagħhom. Dan ifisser li lanqas l-istess dgħufija tagħna m’għandha tbeżżagħna milli nxandru l-verità. Inkunu iktar sinċiera jekk nammettu li l-Vanġelu huwa veru, u aħna minħabba raġunijiet varji mhux qed inlaħħqu ma’ dak l-ideal, milli nikkonkludu li dak l-ideal huwa gidba.
Jekk l-għajxien tal-fidi tagħna ma jqanqal lil ħadd jisfidana dwar it-tama li hemm fina, allura jista’ jkun li qed ngħixu Vanġelu li mhux ta’ Ġesù, imma Vanġelu li aħna b’reqqa llimajna biex jidħol kullimkien u ma jiskomoda lil ħadd. Jista’ jkun li l-Vanġelu tagħna huwa Vanġelu magħluq ġos-sagristiji u fil-knejjes, Vanġelu li mhux ħmira fis-soċjetà tagħna imma iktar ġabra ta’ kompromessi biex ma ndejqu lil ħadd u, iktar minn hekk, biex ħadd ma jdejjaq lilna. Ġesù jibqa’ ċar: “Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut” (Mt 10, 27).
Meta kont tifel u żagħżugħ spiss kont nisma’ din il-frażi: “Tibżgħux tmorru kontra l-kurrent.”
Mela ma nibżgħu minn ħadd la minn min jagħmel il-ġid imma mhux minn tagħna u lanqas minn dawk li huma kontra tagħna.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.