Is-6 Ħadd matul is-sena (Mt 5, 17-37)
‘Dan bis-serjetà?’ ‘Dan il-Vanġelu impossibli tgħixu.’ Dan tista’ tkun l-ewwel reazzjoni naturali hekk kif nisimgħu din il-Kelma. Atteġjament ieħor jista’ jkun: ‘Dan il-Vanġelu mhux għalija; jien dawn id-dnubiet li qed isemmi Ġesù qatt m’għamilthom.’ Tista’ tgħid ukoll: ‘Qed tara noqogħdu nilagħbu mal-liġi, Ġesù ma ġiex biex iwaqqa’ l-liġi, mela għandi raġun nikkundanna lil min jiżbalja.’
Fil-verità Ġesù jridna mmorru ’l hemm minn dawn l-argumenti ftit jew wisq superfiċjali. L-isbaħ atteġġjament quddiem Vanġelu hekk esiġenti huwa: ‘Agħrbel lil qalbek! Inżel ma’ Ġesù fil-qiegħ nett tal-qalb tiegħek u ara x’qed jgħammar fiha. Ħallih idawwal id-dlam li hemm fiha.’ Is-salmi jgħidulna: “Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi!” (Sl 18, 29)
Jekk inti taħseb li dan il-Vanġelu huwa impossibbli tgħixu, ftakar li iva, umanament impossibbli tgħixu imma Ġesù jridna nogħlew minn dak li huwa purament uman, iridna mlaqqma fil-Vanġelu biex inkunu iktar umani, iktar bnedmin.
Jekk taħseb li qatt m’għamilt dawn id-dnubiet, ftakar li abbli m’għamilthomx għax ma kellekx l-opportunità tagħmilhom, u li kieku kellek, kont kapaċi tagħmel agħar.
Jekk int tħobb tiddiletta bil-liġi, ftakar li l-Kelma l-ewwel li trid taffronta hija lil qalbek, imbagħad qalb ħaddieħor. “Jekk il-ħajja tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna ta’ smewwiet.” (Mt 5, 20)
U alllura x’ser nagħmlu? Nagħrblu lil qalbna. Kien hemm drabi fejn jien qtilt il-ferħ ta’ ħija, oħti, marti jew uliedi? Ikkoreġejt mingħajr imħabba? Xi jwassalni nagħmel dan? Jista’ jkun għadni ma nafx sew lili nnifsi? Xi bżonnijiet għandi? Nissodisfa dawk il-bżonnijiet b’mod mhux dehen ta’ wlied Alla? Jiena koerenti? Kliemi jaqbel ma għemili?
Issa sew! Wisq probabbli dawn il-ftit domandi ġa nħossu li tefgħuna l-baħar! Jekk le, xi mkien hemm problema. Jekk le, mur il-knisja fejn tgħix u għidilhom ineħħu l-qaddis/a patrun/a u minfloku jpoġġu lilek! Jekk iva, ħossok parti mill-familja ta’ Ġesù, iġri lejh, u ħallih jgħannqek. Ara l-bżonnijiet tiegħek, fid-dawl tiegħu, u ħallih jgħinek tkun ħieles. Ara x’qed iżommok imwaħħal. Kompli miexi b’tama. Għal Alla m’hemmx fullstops. Hemm biss comas, b’ħafna ittri ta’ mħabba fis-sentenza.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv