EUSF_Praying

Meta temmen

It-30 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 10, 46-52)

Darba wieħed mill-patrijiet qalli li fid-dinja hawn nies li ma jemmnux daqskemm hawn nies li jemmnu. Iġifieri jekk taqbad dawk kollha li b’xi mod għandhom xi forma ta’ twemmin (Kattoliċi, Protestanti, Musulmani, Ħinduisti, eċċ.) u tgħoddhom flimkien u tqabbilhom ma’ dawk li m’għandhom l-ebda forma ta’ twemmin, in-numri huma simili ħafna. Issa jien ma nafx kemm hi vera din l-istatistika jew x’inhuma s-sorsi u l-valur xjentifiku tagħha. Li naf hu li malli smajtha f’widnejja dewa l-kliem ta’ Ġesù: “Meta jiġi Bin il-Bniedem ser isib il-fidi fuq l-art?” (Lq 18, 8).

Meta qrajt dan il-Vanġelu weħel ma’ moħħi l-kliem li Ġesù jgħid lil dan ir-raġel: “Il-fidi tiegħek fejqitek” (Mk 10, 52). U moħħi beda jagħqad, fuq din ukoll, mal-ħafna affarijiet oħra li jagħqad fuqhom. Imma l-fidi x’inhi? U agħar minn hekk, jien għandi fidi?  

Neħħejt minn moħħi mill-ewwel li l-fidi hi li meta nitlob irrid bilfors naqla’. Dan il-ħsieb ibeżżagħni u iktar u iktar jekk din l-idea twassalni neħodha kontra Alla meta l-affarijiet ma jmorrux kif nixtieq jien, meta nitlob u ma naqlax. 

Bdejt nipprova nara iktar fil-fond u weħilt mal-ħsieb li l-fidi hija wegħda li jagħmlilna Alla biex jagħmilna sħaħ. Biex ikompli fina dak li jonqos, li jagħmilna integri. L-ewwel proposta ta’ fidi li nsibu fil-Bibbja hija dik li Alla jagħmel lil Abram – dik li jkollu Iben. Il-fidi hija dik ix-xewqa li Alla jitfa’ fina għalih.  

Hija sejħa – kien Alla li sejjaħ lil Abram b’ismu u bħalu lill-profeti kollha.  

Hija kurżità – siġra taqbad u ma tinħaraqx. Jgħid Mosè: “Ħa nersaq u nara din id-dehra tal-għaġeb għala mhux jinħaraq l-għollieq” (Eż 3, 3).  Alla ħafna drabi hekk jagħmel magħna, ixennaqna, jitfa’ fina l-kurżità, jattirana. Idewwaqna ftit mis-sbuħija tiegħu biex ixennaqna għalih, biex nitkaxkru minnha. Papa Benedittu kien jgħid li l-fidi tinxtered b’attrazzjoni.  

Il-fidi allura hija wegħda li inti tista’ tmur ’il bogħod ħafna minn dak li inti qatt tista’ taħseb jew tixtieq. “Lil dak Alla li, bis-setgħa tiegħu li taħdem fina, għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu” (Ef 3, 20).  

Il-fidi allura la hija sejħa, la hija kurżità, ma tibdiex minna imma hija rigal. Huwa Alla li dejjem jagħmel l-ewwel pass. Imma daqskemm il-fidi hija rigal hija wkoll għażla personali u libera tal-persuna.  

Jien nista’ jkolli kurżità nara x’hemm f’pakkett imgeżwer li kollox jindika li hu rigal imma nista’ niddeċiedi li dak ir-rigal ma niftħu qatt. Rigal jibqa’ imma moħli.  

Il-fidi, din l-istedina ta’ Alla, mhux dejjem tieħu l-forma ta’ rigal imma kultant, anzi bosta drabi, tieħu forma ta’ ktieb li jien irrid niftaħ, naqra u nirrifletti fuqu. Irrid nagħmel sforz biex naqra l-istorja tiegħi b’lenti ta’ fidi.  

Drabi oħra l-fidi ssir xi forma ta’ word search jew crossword biex nifhem li fl-istorja mħawda tiegħi Alla għandu pjan, għandu risposta. Meta tagħmel xi waħda minn dan il-logħob li semmejna inti taf li r-risposta żgur qiegħda hemm. Qatt ma smajna li kien hemm crossword qarrieqa. Ir-risposta tkun hemm imma mhux dejjem evidenti għal għajnejna.  

L-istess ħajjitna, il-fidi wkoll, tiġi purifikata sabiex Alla li hu l-awtur tal-wegħda joħroġ dejjem ta’ raġel, li jagħti kelma u jżommha. U jekk lil Abram wiegħdu lil Iżakk u nisel kbir daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, lilna jagħmilna sħaħ billi jagħtina ’l Ġesù Kristu u l-ħajja ta’ dejjem.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.