EUSF_Shocked

Kannibali

L-20 Ħadd ta’ matul is-Sena (Ġw 6, 51-58)

Meta nstema’ dan il-Vanġelu l-ewwel darba ħadd ma fehmu. Ma fehmuhx is-semmiegħa ta’ Ġesù, tant li ħafna minnhom wara dan id-diskors ħallewh. Anqas fil-bidu tal-esperjenza Nisranija, mhux mill-ewwel sab art fejn inibbet.

Is-semmiegħa ta’ Ġesù ħassew ruħhom skandalizzati għax Ġesù donnu kien qed ixerred ideat kannibalistiċi, xi ħaġa li kienet projbita mil-liġi Lhudija. L-esperjenza Nisranija wkoll sabet diffikultà li tilqa’ dan il-kliem minħabba kurrenti li kienu iktar jeżaltaw id-divinità ta’ Ġesù milli l-umanità tiegħu. Dawn it-talin kienu jaraw f’Ġesù n-natura tiegħu ta’ Alla u jħassru n-natura tiegħu ta’ bniedem, b’konsegwenza li allura anke fil-ħajja tal-bniedem eżaltaw l-ispiritwalità b’dannu għal dik li hi l-umanità. U Ġesù jgħid: “Ġismi huwa ikel tassew, u demmi huwa xorb tassew” (Ġw 6, 55).

Ġesù, f’bilanċ assolut, jispjega li ġismu huwa ħobż ħaj li nieżel mis-sema, fl-istess ħin huwa ħobż tassew, realtà purament umana.

Anke aħna jista’ jiġrilna li ninsew l-umanità tagħna u naħsbu li l-ħajja Nisranija jew il-ħajja fl-ispirtu hija ħarba minn dak kollu li hu tal-bniedem. Kemm qaddisin kienu għaqlin f’dan u ma ċaħdu qatt l-umanità ta’ Alla u tagħhom. Kemm għoġba f’San Franġisk t’Assisi quddiem il-misteru ta’ Ġesù magħmul bniedem. Anke jekk San Franġisk, għal xi mument ħaseb li l-ħajja Nisranija hija biss tgħakkis tal-ġisem, fl-aħħar jasal jitlob maħfra lill-“Fratello Corpo” tal-ħsara li kien għamillu. L-istess Dun Ġorġ Preca f’Malta kemm għożża għal dan il-misteru tal-għaġeb li Alla jsir bniedem. U xi ġmiel ta’ frażi dik li tmur tgħid Santa Tereża t’Avila, waħda minn dawk li waslet fil-quċċata tal-ispiritwalità Nisranija: “Jiena naraha ħaġa ċara li, jekk irridu nogħġbu lil Alla u nirċievu grazzji kbar mingħandu, hu jrid iwasslilna kollox permezz tal-Umanità qaddisa ta’ Kristu” (De Libro Vitae).

Sfortunatament ġara li, matul is-sekli, it-tentazzjoni li nikkonċentraw fuq il-ħajja tal-ispirtu biss, b’esklużjoni tal-umanità tagħha, rebħet u bosta kienu d-drabi fejn l-esperjenza umana, il-ġisem u s-sesswalità tiegħu ġew mogħtija l-ġenb. Ftit irrealizzajna li meta ma tagħtix kas l-esperjenza umana u l-qawwa tal-għaġeb li ġġorr fiha, illum jew għada tirritorna b’qawwa akbar li tasal tagħmel il-ħsara lilek u lil ta’ madwarek. L-ebda esperjenza Nisranija, anke l-ikbar waħda mistika, ma tistax tirnexxi jekk ma tgħaddix mill-ġisem.

Kien Alla li għażel din it-triq. Kien hu li l-ikbar misteru ta’ mħabbtu, ma sabx mod ieħor kif jurih jekk mhux billi Ibnu jsir laħam. Meta Alla sar bniedem qaddes kull realtà umana. Allura x’inhi l-vokazzjoni tagħna? Waħda, dik li nsiru aktar bnedmin, li nkunu komdi fir-realtà tagħna l-bnedmin. Jekk naqgħu għat-tentazzjoni li rridu ħajja spiritwali, mingħajr dak kollu li jagħmel ir-realtà umana tagħna, insiru riġidi, morda u nkunu qed inħejju ruħna għal żbalji kbar.

Alla qed isejjaħlek biex inti tkun bniedem tassew; biex tħalli dak li hu ta’ Alla jsebbaħ dak kollu li hu tal-bniedem. Allura poġġi quddiemu dak kollu li int; dik il-biċċa ħobż dgħajfa li int; bil-fraġilitajiet kollha li għandek u jkun Hu li dik il-biċċa ħobż dgħajfa jagħmilha, mhux biss denja ta’ Alla, imma Alla. Għalhekk taħbi xejn minnu, għaliex kollox Alla għamel, u int kif int, int denn tiegħu.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.