EUSF_Silence

Iskot

Ir-4 Ħadd ta’ matul is-sena (Mk 1, 21-28)

“Iskot, u oħroġ minnu!” (Mk 1, 25) Hekk iwieġbu Ġesù lix-Xitan. Ġesù kien jaf li x-Xitan huwa missier il-gideb u allura ma seta’ joħroġ xejn minnu li għandu x’jaqsam mal-verità. Jibqa’ l-fatt li dak li qal ix-Xitan huwa veru; Ġesù huwa l-Qaddis ta’ Alla. Madanakollu xorta li qal mhux veru għax mhux koerenti mal-aġir ta’ min qed jgħidu. Ix-Xitan jista’ jgħid kemm irid li Ġesù huwa l-Qaddis ta’ Alla, madanakollu dak li jgħid jibqa’ gidba għax ma jaqbilx mal-intenzjoni tiegħu li qed jgħidu. Qed jgħid frażi vera, iva, iżda s-sors huwa ħażin minnu nnifsu.

Spiss lilna wkoll ix-Xitan iġegħelna nemmnu frażijiet li loġikament donnhom veri imma ma jkunux. Ix-Xitan iġegħelna ngħoddu l-gidba tiegħu bħala verità. Dak li jgħid ix-Xitan huwa dejjem frott l-għira u l-biża’ tiegħu, qatt fil-verità u dejjem biex jiġġudikana u jikkundannana. Mentri Ġesù, jurina l-verità tagħna nfusna, anke jekk tkun diffiċli għalina biex naċċettawha, biex jeħlisna. Ix-Xitan jgħidilna l-istess verità biex jiġġudikana u jkissirna.

Jekk jien immur għand it-tabib u jgħidli li għandi kundizzjoni jew marda, jien dik il-verità tista’ ma togħġobnix imma naf li qed jgħidli biex jeħlisni, biex ifejjaqni. Żgur li mhux qed jgħidli biex jiġġudikani, jew biex ikompli jmarradni. Meta darba kont għedt lit-tabib li nibża’ mmur għandu ma jmurx isibli xi ħaġa qalli: “Jekk insiblek naħdmu fuqha!” Ix-Xitan mhux hekk! Jgħidlek xi ħaġa li hija vera imma biex jikkundannak biha; biex inti tibda tistma lilek innifsek skont dik il-biċċa verità imma qatt ma tkun il-verità sħiħa. Alla jitlaq minn presuppost ieħor: “Ara int maħbub, u għax inħobbok nixtieq neħilsek. Fik hemm il-mard, imma jien qabel il-mard qed nara lilek fi stat ta’ fejqan. Ejja naħdmu mela biex dan il-fejqan ikun sħiħ.” Ix-Xitan jitlaq mill-kundanna, Alla mill-kompassjoni!

Proprju għalhekk Ġesù lix-Xitan jgħidlu: “Iskot.” U aħna hekk ukoll irridu ngħidulu: “Iskot.”

· “Iskot” kull darba li jipprova jgħidilna li d-dgħufija tagħna tikkaratterizza dak kollu li aħna.

· “Iskot” kull darba li jgħidilna li għalina ma baqax tama.

· “Iskot” kull darba li jgħidilna li Ġesù ġie biex jeqridna, kull darba li jipprova jikkonvinċina li ħajjitna tixbah iktar lil funeral milli ċelebrazzjoni ta’ ferħ.

· “Iskot” kull darba li jikkonvinċina li nagħtu wisq importanza lill-futur bl-inċertezzi kollha tiegħu.

· “Iskot” kull darba li jċappsilna ma’ wiċċna l-iżbalji u d-dnubiet tagħna.

· “Iskot” kull darba li jġegħelna nemmnu li aħna niswew daqs il-ħidmiet u s-suċċessi tagħna.

· “Iskot” kull darba li jġegħelna nemmnu li aħna niswew daqskemm l-oħrajn jaħsbu li aħna niswew.

Huwa Alla li jista’ jurina l-verità sħiħa dwarna nfusna; ix-Xitan biss dwar atteġġjamenti partikulari. Alla jasal jgħidlek: “Qed tigdeb.” Ix-Xitan jgħidlek: “Int giddieb.” Jiddeskrivi l-personalità tiegħek skont atteġġjamenti tiegħek. Alla huwa iktar profond. Biex tagħqad, ħafna drabi nispiċċaw niġġudikaw lil ħaddieħor skont kif drajna niġġudikaw lilna nfusna. Għalhekk nitolbu ’l Alla l-grazzja li niddixxernu dwar dak li nisimgħu. Jekk hu minn Alla nwieġbu: “Tkellem Mulej, għax il-qaddej tiegħek qed jisma’” (1 Sam 3, 9). Jekk huwa x-Xitan li qed jitkellem, insomma issa suppost nafu x’għandna nwieġbu: “Iskot.”

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.