EUSF_WavingFlags

Inxejru l-Bnadar

It-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija (Lq 1, 26-38)

Id-domma tal-Immakulata fi kliem sempliċi tgħid li Marija sa mill-ewwel waqt tat-tnissil tagħha ġiet meħlusa minn kull tebgħa tad-dnub.

Il-Knisja tgħallimna li Marija kellha tkun l-Immakulata għax ma kienx jixraq li dik li kellha ġġorr f’ġufha lill-Qaddis tal-Qaddisin, għal waqt wieħed biss tkun taħt il-ħakma ta’ Satana, l-għadu antik u dejjiemi ta’ Alla u tal-bnedmin. Il-Knisja tkompli tgħallimna li Marija hi l-Immakulata għall-merti ta’ binha. 

Għedna li Marija “ġiet meħlusa”. Hi wkoll kellha tiġi meħlusa. Is-salvazzjoni ta’ Kristu salvat lilha wkoll, qabel kulħadd, qabel ma misset id-dnub, imma bħalna salvata. Il-privileġġ ta’ Marija għandu x’jaqsam maż-żmien. Hi ġiet salvata qabel, aħna wara.

Forsi matul is-snin, meta nirriflettu, ngħidu: “Iva Marija hi Immakulata, imma aħna?” X’għandha x’taqsam din id-domma magħna li nsibuna bosta drabi ngħaffġu fid-dnub?” 

San Pawl diġà jgħidilna: 

“Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja sabiex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1, 4).

Forsi nirraġunaw mhux sewwa li l-ewwel bnedmin dinbu u weħilna aħna magħhom! Irranġawna għall-frisk Adam u Eva. “U ejja Fr,” issib min jgħidlek. “Għadkom temmnu fid- dnub tan-nisel?” Ara aħna x’għandna x’naqsmu mad-dnub ta’ tnejn li lanqas nafu eżistewx.

Ovvjament ħadd m’għadu jemmen, lanqas aħna li l-ħolqien ġara kif hemm miktub fl-ewwel erba’ paġni tal-Iskrittura u anqas li l-ewwel ġranet tal-ewwel bnedmin seħħew kif inhuma miktuba fil-Bibbja. Serrħu raskom li anqas min kiteb il-ktieb tal-Ġenesi ma kien jemmen hekk! 

Madanakollu ma nistgħux ma nagħmlux il-kontijiet mar-realtà tad-dnub u l-fatt li d-dnub tiegħi ma jaffettwax biss lili imma wkoll lil dawk ta’ madwari u lil dawk li għad jiġu warajja. 

Kellmu lil min għadu għaddej fuq kwistjonijiet ta’ wirt li ilhom ikarkru għexieren ta’ snin! U daħħlu fl-istorja ġenituri, ulied aħwa u kuġini! 

Għiduli min sofra vjolenza, abbandun, abbuż jekk idumx iġorr il-ferita tant li din, jekk mhux ikkurata, tinfluwenza relazzjonijiet kollha li jgħix!

Jekk aħna nkissru u nfarrku pajjiżna u ma nħallux roqgħa ħadra min ibati? Aħna biss? Forsi mhux dnub li jridu jbatu ta’ warajna?

Jekk aħna nħallu soċjetà bla valuri min se jbati; aħna biss, jew għad jiġi żmien fejn ta’ warajna jidħku bina?

Le le ma jintiritx id-dnub! 

U l-Knisja tridna bħall-Immakulata tagħna! 

U ħasbitha tajjeb. Fil-magħmudija l-ewwel ħaġa li tagħmel, tidlikna biż-żejt tal-Magħmudija u titlob fuqna sabiex aħna ninħelsu minn kull tebgħa ta’ dnub u qatt ma nkunu taħt il-madmad tal-jasar. 

Għax l-iskop ta’ Satana huwa li jkisser l-ulied ta’ Alla. Jisirqilhom il-ferħ, iħawdilhom moħħhom u jgerfxilhom qalbhom. Jifridhom minn xulxin u jedha bil-ġlied u t-tqassis. Hekk kien minn dejjem għajjur u giddieb. Imma Alla waqaflu, Kristu rebaħlu, Marija l-Immakulata b’Ġesù f’ġufha saħqitlu rasu. 

U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed il-Knisja tkompli tnaddafna, teħlisna mit-tebgħa oriġinali, tqaċċat il-ktajjen li jorbtuna mad-dnubiet ta’ missijietna u tkompli taħsilna bl-ilma tal-Magħmudija. 

Forsi l-Immakulata ma kinitx dik li ċaħdet l-għemil kollu tiegħu? Forsi mhux telfa għax-Xitan li Marija l-Immakulata anqas għal mument wieħed biss ma kienet taħt il-ħakma tiegħu? 

Il-Knisja tnaddafna permezz tal-ilma tal-Magħmudija. Tgħidilna li l-ilma ser jeqred il-ħażin, li aħna fl-inkwiet ser ngħaddu mill-inxif u naqsmu l-baħar. Ħa nixorbu mill-kustat ta’ Kristu. Minnha stess li nemmnu li jgħid Ġesù, minnha joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.

Tajjeb insaqsu: “Minni joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj?” 

Il-Knisja tikkonsagrana! Tridna nleqqu bi sbuħija – bħall-Immakulata. Il-vokazzjoni tal-Immakulata, is-sejħa tagħha, il-privileġġ tagħha huma s-sejħa tagħna wkoll.

Fl-Immakulata naraw dak li għalih ġejna msejħin. Fl-Immakulata ġa minn issa nxejru l-bnadar tas-salvazzjoni tagħna. Fiha nilmħu kif aħna quddiem Alla. Alla meta jħares lejna ma jarax id-dnub. Dak aħna narawh, għax iffissati fuq id-dnub tagħna u biex ngħattu tagħna niffissaw fuq id-dnub ta’ ħaddieħor. Alla meta jħares lejna jarana mnaddfa bid-demm ta’ Ibnu. Jarana salvati, bħall-Immakulata. 

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.