Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien Kollu (Ġw 18, 33b-37)
Anke llum Ġesù jixtieq jippreżenta lilu nnifsu. Jinsab quddiem Pilatu u anke jekk suppost huwa Pilatu li qed isaqsi lil Ġesù, l-Imgħallem ma jiddejjaq xejn min-naħa tiegħu jsaqsi lil Pilatu. Darba minnhom kien staqsa lid-dixxipli min jgħidu n-nies li kien, u huma min kienu jaħsbu li kien. Ġesù f’dawn l-aħħar ġranet kien qed jurina hu min hu u min aħna mistiedna li nkunu aħna: “Jien għalhekk ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verità u min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18, 37).
Ġesù ma kienx interessat kif Pilatu kien jaħsibha dwaru. Ma kienx interessat li bit-tweġibiet tiegħu jiffranka l-mewt. Meta jsaqsi lid-dixxipli tiegħu huma min kienu jgħidu li kien ma xtaqx ikun jaf id-dixxipli tiegħu kif jaħsbuha dwaru; jekk kienx qed jitkellem tqil, jekk il-mirakli li kien qed jagħmel kinux suċċess, jekk b’dak li kien qed jgħid kienx ser jagħmel iktar għedewwa milli ħbieb. It-tweġibiet tagħhom ma kinux ser jikkundizzjonaw l-identità tiegħu imma kienu maħsuba sabiex jgħinu lill-Appostli jagħrfu l-intenzjonijiet tagħhom, il-għala kienu qed jimxu warajh. Magħna l-Mulej jagħmel l-istess.
Intom min tgħidu li jien? Skont it-tweġiba tagħkom jiddependi jekk hux qed taħlu ħajjitkom jew le!
Jekk jien leader kariżmatiku li nsaħħar n-nies għal warajja – kunu afu li s-seħer jitlaq f’qasir żmien u niddeludikom!
Jekk jien leader li nagħti ħobż b’xejn, kunu afu li meta ma nkunx iktar magħkom ikollkom taħsbu għal raskom, mela l-aħjar taħsbu għal raskom minn issa.
Jekk jien leader popolari, ftakru li l-popolarità titlaq ukoll u jkollkom toqogħdu tiġru wara xi ħadd ieħor.
Jekk jien leader li nsaħħarkom bi kliemi, ftakru li l-kliem sabiħ jitlaq ukoll mal-ewwel ħmerija li ngħid u naqa’ għaċ-ċajt jien u intom miegħi.
Jekk jien leader li għandi ħafna ħbieb, u qed timxu warajja għax għandi l-ħbieb, ftakru li f’teptipa t’għajn il-ħbieb isiru għedewwa u jsiru l-għedewwa tagħkom ukoll.
Imma jekk verament temmnu li jien l-Iben ta’ Alla l-ħaj, mela qed tfittxu u tistaqsu xi ħaġa li tmur ħafna ’l hemm minn affarijiet li jgħaddu u jispiċċaw. Intom qed tfittxu l-ferħ li ħadd ma jkun jista’ jeħodhulkom. Intom qed tfittxu li tinbnew fuq il-blat, intom qed tfittxu li ħajjitkom tkun waħda li tagħmel sens. Mhux qed tfittxu sigurtà li tinbidel ma’ kif jinbidlu n-nies. Jekk qed tibni fuq l-istqarrija li jien il-Messija – mela ser jiġi mument f’ħajtek fejn tkun tista’ tgħid li jien il-qawwa tiegħek. Li saltnati mhix ta’ din l-art u meta tagħmel verità dwari tkun qed tasal għal verità dwarek innifsek.
Għax il-fatt li ssejjaħ lil Ġesù Sultan, Messija u Salvatur tkun qed tumilja lilek innifsek biżżejjed li tagħraf li għandek bżonn tinħeles minn xi ħaġa. M’hemmx esperjenza vera ta’ Ġesù jekk mhux meta tagħraf id-dgħufija tiegħek u tidħol f’relazzjoni ma’ xi ħadd li jista’ jeħilsek u dan Hu l-Mulej. Xħin issejjaħlu b’Salvatur, tinħeles.
U kun af li l-mod li għażel is-Salvatur biex juri l-qawwa tiegħu hija t-triq tal-umiljazzjoni, tal-ħabi. “Dak li kellu n-natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla imma tneżża’ minn kollox u sar ħabba tal-qamħ li tmut. Tistenniex li ħajtek ser tkun differenti minn tiegħu jekk trid tħalli l-frott.”
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.