It-22 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 7, 1-8. 14-15. 21-23)
Ma nafx ġilix iltqajtu ma’ xi ħadd li jagħmel mit-tindif l-iskop ewlieni tal-eżistenza tiegħu. Miskin jagħmel nofs ħajtu jnaddaf u n-nofs l-ieħor l-affarijiet li suppost jagħmel. It-tindif iqisu bħala prijorità u jiġġustifika din l-ossessjoni billi jgħid li hu jnaddaf għax ħaddieħor ma jnaddafx. Niftakar xi ħadd jgħidli li qabel jorqod inaddaf id-dar kollha ma jmurx billejl jinqala’ xi ħaġa, ikollu jiġi t-tabib u jmur jgħid li għandu d-dar maħmuġa. Niftakarni ngħidlu li dan huwa twemmin fieragħ imma ma tax kasi u t-tabib billejl ma ġie qatt.
Il-Fariżej milli jidher ukoll kellhom xi tip ta’ fissazzjoni fuq it-tindif. L-evanġelista jagħmel lista twila ta’ kemm kienu jnaddfu u jitnaddfu biex ir-riti tagħhom ikunu mill-isbaħ u forsi wkoll biex tassew ikunu validi. L-attenzjoni esaġerata għat-tindif minn barra hija ħafna drabi l-ikbar xhieda ta’ konfużjoni u diżordni minn ġewwa.
Huwa proprju ghalhekk li l-Mulej jgħolli l-livell tad-diskors tiegħu u mill-ħasil tal-borom u l-ktieli jgħaddi għall-indafa u n-nuqqas tagħha fil-qalb tal-bniedem.
Huwa inutli li lil Alla tqimu bix-xufftejn biss imma l-qalb hija mili ’l bogħod minnu. X’jiswa li tippreżenta ruħek quddiem Alla l-imbierek b’mod mill-iktar perfett imma dan tagħmlu iktar imqanqal minn kemm il-prestazzjoni tat-talba tiegħek ser tkun perfetta milli mix-xewqa li lil Alla tħobbu ftit iktar jew inkella tħallih iħobbok ftit iktar. X’jiswa li torganizza liturġiji twal u perfetti imma li ma tkun ressaqt l-ebda qalb lejn Alla?
X’jiswa li naħli ħajti nipprova npenġi lili nnifsi perfett quddiem Alla u quddiem l-oħrajn meta fil-fond ta’ qalbi jien dgħajjef forsi iktar min-nies li niġġudika? Id-dnub ikrah u mhux tajjeb li tkun midneb imma l-ipokreżija hi ferm iktar kerha.
Ħafna drabi kif ngħixu l-ħajja spiritwali tagħna huwa ferm iktar rigward impressjoni milli realtà. Qisu għandna fina din ix-xewqa li bl-għemejjel tajba tagħna nimpressjonaw lil xi ħadd. Ġesù huwa ċar ħafna li la t-talb, la s-sawm u lanqas il-karità mhuma qegħdin hemm la biex nimpressjonaw lil Alla u lanqas lill-oħrajn u lanqas lilna nfusna u din problema oħra tafux. Kultant naħsbu li għax nagħmlu l-opri tajba b’mod impekkabbli aħna tajbin. Jekk saċerdot jipprietka tajjeb allura jkollu t-tentazzjoni li jibda jaħseb li qed jgħix dak li jipprietka. Jekk xi ħadd jagħmel opra tajba u jfaħħruh in-nies jibda jaħseb li huwa tajjeb daqs it-titli sbieħ li n-nies tkun qed tattribwilu.
Imma l-bniedem jinkixef fil-kamra ta’ ġewwa u fuq l-affarijiet li joħorġu hemm, meta nkunu fis-satra ta’ kamritna u qalbna toħroġ il-verità ta’ aħna min aħna fil-verità. L-imġiba tiegħi fil-privat tikxef jien min jien fejn m’hemmx folla tfaħħarni jew iċċapċapli. Kemm iltqajt ma’ nies li fuq nies viċin tagħhom bi kliem jixbah lil dan li ġej jgħiduli: “Tiġġudikahx meta jkun miegħek imma meta jkun magħna, miegħek jagħmilha tal-qaddis imma d-dar qisu l-imxajtan.”
Nitolbu ’l-Mulej jagħtina l-grazzja li ma jkunx hemm differenzi kbar bejn ġewwa u barra, bejn dak li jidher u dak li ma jidhirx, bejn il-privat u l-pubbliku. Inżommu f’moħħna u f’qalbna l-kliem ta’ Ġesù: “Missierek li jara dak li hu fil-moħbi jroddlok hu” (Mt 6, 16). Jekk il-Fariżej ikomplu jedhew mal-ktieli u l-borom, affarihom, aħna nippruvaw mod ieħor.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.