IIl-5 Ħadd matul is-Sena (Mt 5, 13-16)
Meta konna żgħar il-melħ kien parti essenzjali mill-ikel fil-familja tagħna. Niftakar ’l ommi titfa’ ftit melħ fil-borma, ittiegħem l-ikel, tieqaf ftit, imbagħad jew iżżid ftit, jew inkella tgħid, kultant f’qalbha u kultant b’mod li jinstema’: ‘Tajjeb.’ Ħlief dik id-darba li bis-sħana nħall it-tapp tal-bott tal-melħ u l-għaġin safa mgħolli bħal donnu fl-ilma baħar! Bi żmien l-melħ sar optional. Ma baqax igawdi d-dritt li jsib postu fil-borma, imma kellu jikkuntenta li jitpoġġa fuq il-mejda bit-tama li xi ħadd tiġih ħniena minnu. Hekk sewwa u hekk xieraq. Is-saħħa l-ewwel, u l-pressjoni trid iżżommha taħt kontroll. Min irid jieħu. Kulħadd kuntent.
Hu x’inhu, il-melħ hu ingredjent li jagħti togħma tajba u Ġesù dan kien jafu tant li lilna jqabbilna mal-melħ. Żgur li Ġesù kien jaf x’kien l-użu komuni tal-melħ: jagħti togħma, iqabbad l-għatx, jiftaħ l-aptit, u jippreserva l-affarijiet milli jiħżienu.
Ġesù meta jgħid li aħna melħ qed jurina min aħna u jagħtina missjoni. Jgħid li aħna ġa melħ imma jekk irridu nħallu effett irridu nitħalltu. Il-melħ waħdu tajjeb, imma jekk ma jitħallatx kif jista’ jkun hemm min igawdi mit-togħma li kapaċi jagħti? Kif jista’ l-melħ jiftaħ l-aptit jekk xi ħadd ma jiħux ftit? Kif jista’ jqabbad l-għatx jekk dak li jkun ma jagħmilx użu minnu? U l-istess kif jista’ jippreserva l-affarijiet milli jmorru, jekk il-melħ ikun fuq il-mejda u l-affarijiet li għandhom jiġu preservati xi mkien ieħor? Il-melħ fuq il-mejda t’ommi vera tajjeb, imma waħdu fuq il-mejda, jekk ħadd ma jużah, ftit għandu effett.
Għalhekk Ġesù jagħtina wkoll missjoni li nitħalltu, li nidħlu fid-dinja, li b’xi mod inkunu togħma tajba fejn inkunu. U kif ser inkunu? Eżatt qabel dan id-diskors dwar il-melħ u d-dawl Ġesù jagħmel id-diskors famuż tal-muntanja. U propju jgħid kif nistgħu nagħtu togħma. Jgħidilna kif inqabbdu l-għatx għal Alla, kif niftħu l-aptit tal-oħrajn għal dak kollu li hu Vanġelu. Jgħidilna li aħna nistgħu nippreservaw dinja sabiħa ’l hemm minn kull ħsara.
Jekk aħna nkunu foqra f’qalbna, jekk ikollna qalbna ħelwa, jekk għandna l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, jekk inħennu, jekk qalbna safja, jekk inġibu il-paċi. Tiġi ovvja li kull min hu mwaħħal mal-affarijiet u ftit lest li jaqsam mal-oħrajn ma jistax ikun melħ. Min hu qalbu iebsa, min mhux qalbu safja ftit kapaċi jagħti togħma tajba. Min hu inġust ma jistax jiftaħ l-aptit għal Alla, u min ma jħennx ma jqabbdekx l-għatx għalih. Min moħħu biex jiġġieled u jaqla’ l-inkwiet ftit li xejn jista’ jippreserva dinja sabiħa u tajba.
Ġesù huwa sempliċi u ċar. B’element daqshekk naturali jgħid min hu u x’għandu jkun in-nisrani. Ovvajment b’xi mod ilkoll kemm aħna għadna ftit lura milli nagħtu togħma tajba kull fejn inkunu, imma b’Ġesù fina nistgħu naslu. Jalla ħadd ma jaqta’ qalbu li jaħseb li mhu tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema mal-art u jintrifes min-nies!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv