Ir-4 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 5, 1-12a)
Xi ġmiel dan Ġesù! Il-Vanġelu skont San Mattew jgħidilna li Ġesù beda l-missjoni tiegħu billi jgħallem u jfejjaq. Ġesù huwa semmiegħ attent tal-bżonnijiet tal-poplu tiegħu. Il-Vanġelu ta’ San Mattew jgħidilna li l-folla li kien hemm miexja wara Ġesù kienet magħmula minn dawk li kienu jbatu b’xi mard jew uġigħ, il-maħkumin mix-xitan, il-morda b’tal-qamar u l-mifluġin. Kienet folla li kienu għadhom kif serqulha lil xi ħadd li kien jispira fiduċja: Ġwanni l-Battista. Fil-fatt kien għadu kif ġie arrestat. Din hi l-folla ta’ Ġesù; nies li bħalek u bħali għandha bżonn fejqan, ħelsien.
U l-Mulej isejjaħ lilhom u lilna mberkin, henjin u la henjin nistgħu nimxu ’l quddiem. Il-hieni ma jiqafx. Il-hieni jimxi ’l quddiem lejn libertà iktar sħiħa. L-imbeżża’ mhux hieni u allura jeħel. U Ġesù ma jrid lil ħadd jeħel. Ġesù jridna nimxu, kulħadd bil-pass tiegħu, imma flimkien u ’l quddiem. Ġesù qed jgħidlek: ‘Int imnikket, int bil-ġuħ u l-għatx għas-sewwa, imġarrab u ppersegwitat, xorta int imbierek u tista’ tħares ’il quddiem b’tama.’
Jekk int fqir fl-Ispirtu int ġa ħieles għax int ’il bogħod mil-loġika li biex tkun kuntent trid taħkem u tipposiedi. Ħieles mil-loġika li l-ferħ jiġi mill-affarijiet li għandek u li ġġemma’. Mela ’l quddiem b’tama.
Jekk int qalbek ħelwa ħieles mil-loġika li biex teħles mir-rabja, għalik kull mezz isir leċitu saħasitra dak li tiżvoga b’mod vjolenti u tweġġa’ lil ta’ madwarek. Il-qalb ħelwa mhix dgħufija imma qawwa. Mela ’l quddiem b’tama.
Jekk int bil-ġuħ u l-għatx għas-sewwa, int ukoll hieni għax m’intix marbut mal-fatt li biex inti tfiq trid issir ġustizzja mill-għadu tiegħek. Forsi tixtieq tara lil min weġġgħak ibati, iħallas ta’ dak li għamillek, imma b’daqshekk ifisser li int imfejjaq mill-weġgħat tiegħek, mid-deni li sarlek? Il-ġustizzja fuq l-‘għadu’ hija dejjem garanzija ta’ fejqan interjuri? Forsi l-maħfra mhix għodda iktar qawwija għar-rikonċiljazzjoni? Mela ’l quddiem b’tama.
Jekk inti tħenn ifisser li inti ħieles mil-loġika li ‘kulħadd jieħu dak li ħaqqu’, il-ġustizzja retributtiva li umanament tagħmel sens, imma li l-Vanġelu jipperfezzjonaha permezz tal-kunċett tal-ħniena. Il-ħniena propju hija hekk għax min għandu bżonnha ma jisħoqqlux li jirċeviha. Kieku jistħoqqlu tiġi ġustizzja u mhux ħniena. Jekk inti tħenn ifisser ukoll li inti ħieles mil-loġika li Alla jħenn għall-ġusti biss, li jtella’ x-xemx u jibgħat ix-xita fuq it-tajbin biss. Jekk inti tħenn, allura ħieles mit-tentazzjoni li tagħlaq lil Alla ġo kaxxa u ġġiegħlu jaħdem biss fil-parametri li ħejjejtlu int. Mela ’l quddiem b’tama.
Jekk inti safi ħieles mil-loġika li tagħmel ilsir lil min tħobb, li flok tgħannaq, tifga. Ħieles mil-loġika li l-ewwel tara li int moqdi mbagħad tara l-bżonnijiet tal-oħrajn, jekk jibqa’ ħin u enerġija. Ħieles mil-loġika li tuża lill-oħrajn biex tissodisfa biss il-bżonnijiet tiegħek. Mela ’l quddiem b’tama.
Jekk iġġib il-paċi ħieles mil-loġika mqarrqa li d-dinja hija isbaħ bid-diviżjonijiet, piki, partiti u firdiet. Mela ’l quddiem b’tama.
Jekk inti ppersegwitat hieni għax ħieles mil-loġika li biex tkun kuntent trid dejjem issib lil xi ħadd idur warajk u jċapċaplek u jgħidlek prosit. Mela ’l quddiem b’tama.
Jekk inti hieni, inti ħieles u jekk inti ħieles, inti hieni. Jien għadni m’iniex. Intom, ma nafx. Imma ejja nitolbu biex verament inkunu ħielsa u hienja. Aħna ċerti li dak li beda din l-opra tajba fina ser iwassalha sat-tmien. Mela ’l quddiem b’tama.
Awguri għal ħajja hienja, imbierka, ħielsa… ma’ Ġesù Kristu. ’Il quddiem b’tama!
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv