EUSF_BoatInStorm

Il-Paniku

It-12-il Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 4, 35-41)

Darba kien hemm mara li rrakkuntatli kif, f’ġurnata sajfija, qasmu bejn Malta u Għawdex b’dgħajsa. Ġara però li waqt li kienu sejrin lura lejn Malta ġara xi ħaġa, it-temp inbidel, u qamet maltempata. Dil-povra mara ġġennet u kemm kien hemm nies iggranfat magħhom; bejn twerżiqa u oħra n-nies li kienu fuq id-dgħajsa twerwru iktar minnha, milli mit-tqalligħ tal-baħar. Imma! Kulħadd jippanikja f’xi mument jew ieħor fil-ħajja!

Maltempata taħsadna għax hija l-oppost tal-kalma li fiha aħna mdorrijin ngħixu. Kull wieħed u waħda minna għandna x-xewqa li l-baħar ma tantx jitqalleb fil-ħajja. Niddejqu meta, bħal donnu, jiġru ħafna affarijiet f’daqqa li jtellfuna l-paċi u mhux l-ewwel darba għedna: “X’jonqos jinqala’?” “Ma niflaħx għal oħra”, jew “Meta tiġi iftħilha l-bieb”, jew inkella meta jinqala’ xi gwaj, imbagħad ieħor, mat-tielet wieħed bi ftit sarkażmu ngħidu: “Fuq tlieta toqgħod il-borma.” 

Forsi kelma oħra li toqgħod għal maltempata hija kriżi. X’inhi l-kriżi? Il-kriżi hija dak l-istat problematiku li jinqala’ fil-ħajja u li quddiemu inti trid tieħu deċiżjoni. Jekk ma tiħux deċiżjoni quddiem ‘problema’, il-problema tibqa’ problema. Jekk quddiem sitwazzjoni diffiċli tieħu deċiżjoni, dik is-sitwazzjoni tinbidel f’waħda li ser tgħinek tikber, u biex ngħiduha b’termini attwali, minn problema ssir opportunità.

Jista’ jiġrilna li qatt ma nieħdu ċerti deċiżjonijiet għax nibżgħu li l-ilma ser jiċċaqlaq b’iktar qawwa hekk kif nieħdu deċiżjoni u, iktar ma jiċċaqlaq l-ilma, iktar nitqallgħu. Imma nnutaw ftit, jekk qatt ma nieħdu deċiżjoni nibqgħu ngħixu dejjem fi stat ta’ biża’ li l-mewġa li jmiss ser tkun l-aħħar waħda għalina, ser tgħarraqna. Allura hemm deċiżjonijiet x’nieħdu biex fid-dgħajsa ma jkomplix dieħel l-ilma, biex ma nkomplux negħrqu. Ir-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl fuq il-gżejjer tagħna għandu ħafna x’jgħallimna. Għal diversi drabi n-nies ta’ fuq il-ġifen bdew iħallu l-affarijiet; jarmu l-qamħ, ħallew id-dgħajsa tas-salvataġġ (li kienet l-uniku mezz ta’ ħelsien), l-ankra u saħansitra l-ġifen. 

Ħafna drabi naħsbu li l-kriżi tinqala’ biss meta tiġri xi ħaġa li ma togħġobniex u tħarbtilna ħajjitna: mard fil-familja; proċess ta’ firda fir-relazzjonijiet; mewt ta’ xi ħadd għażiż; deċiżjonijiet ta’ tfal li jmorru kontra dak li ħlomna għalihom aħna; u diversi sitwazzjonijiet oħra li jdejquna u jweġġgħuna. Madanakollu hemm ‘maltempata’ oħra li minn żmien għal żmien isseħħ fina, u din hija l-kriżi ta’ ġewwa, li mhux daqshekk kerha daqskemm tidher, ovvjament jekk tagħraf tgħixha b’għaqal u tħalli lilek innifsek tiġi mmexxi u megħjun. 

Huwa dak l-istat ta’ meta tkun seren u f’daqqa waħda tibda tħoss li hemm xi ħaġa li mhux sejra sew. Hija dik il-maltempata li tinħoloq fik meta inti tinduna li m’intix qed tgħix skont dak li kont imsejjaħ għalih. Inti kellek ideal u tinduna li qed tonqos minn dak l-ideal. Inti wegħedt imħabbtek lejn xi ħadd u qed tittraskurah, inti wegħedt li ħa tibni ħajtek fuq li din tkun rigal għall-oħrajn u tinduna li qed tħares biss lejk innifsek, tinduna li xi ħaġa jew xi ħadd qed jisraqlek dak li int wegħedt li tgħix. Quddiem sitwazzjoni bħal din, tista’ tidra dak il-leħen li jdejqek u tagħmel minn kollox biex tifgah permezz tal-aljenazzjoni jew inkella tħalli dak il-leħen idejqek, jifnik sakemm jimbuttak biex tieħu deċiżjoni. Hekk kif tieħu deċiżjoni li tinħeles, dak il-ħin tkun ġa nħlist. Kif? Għax tkun determinat li issa li jmiss huwa kollu fid-direzzjoni t-tajba. Tinsewx il-Lhud iċċelebraw il-ħelsien mill-Eġittu meta kienu għadhom skjavi fl-Eġittu imma kienu ċerti li dak kien “Il-Lejl”. 

X’tagħmel? Tmur tqajjem lill-Imgħallem; bħala Alla u bħala bniedem. Ġesù bħala bniedem qam mir-raqda li kien fiha, bħala Alla waqqaf ir-riħ. L-istess aħna għandna bżonn bnedmin li jgħinuna nindunaw x’qed iżommna lura, u lil Ġesù li bħala Alla jweżinna meta naslu naqtgħu qalbna għax it-triq tal-ħelsien tidher twila wisq. 

U hekk kif ir-riħ jieqaf, int ukoll tistagħġeb, għax ir-riħ beżżgħek, u l-ilma dieħel fid-dgħajsa werwrek, imma xħin taqa’ l-kalma tinduna li kieku ma kinitx għat-tempesta, ma kontx tinduna li maġenbek rieqed, kien hemm Alla nnifsu. U dan ikun is-sliem.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.