Il-Passjoni

Ħadd il-Palm – Passjoni  (Mt 26, 14-27, 66)

Għadna kif smajna r-rakkont tal-passjoni. B’din is-solennità nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa, il-ġimgħa li fiha nfakkru l-passjoni tal-Mulej. “Passjoni” hija l-kelma li ser nisimgħu ħafna f’dawn il-jiem. Tant laqtitni din il-kelma “passjoni” li mort infittixha fid-dizzjunarju. Bi stagħġib, f’dizzjunarju Taljan sibt 3 tifsiriet ta’ din il-kelma:

1. Interess qawwi għal xi ħaġa partikulari (bħal ngħidu aħna passjoni għall-arti).

2. Tbatija kbira.

3. Sentiment qawwi ħafna li jżomm lil persuna fi stat ta’ emozzjonijiet qawwija fejn tidħol l-imħabba (bħal meta ngħidu wieħed tkaxkar mill-passjoni).

Iktar bqajt mistagħġeb meta indunajt li dawn it-tliet tifsiriet isibu posthom fir-relazzjoni ta’ bejn Alla u l-bniedem.

L-ewwel sens fakkarni b’liema passjoni Alla ħalaq il-bniedem. Il-passjoni tal-artist li joħloq u jagħmel kapolavur. Nafu li l-artisti kollha jkunu appassjonati tal-opri li jkunu ħolqu. Huma tant jieħdu pjaċir meta joħolqu xi ħaġa ġdida li arahom jgħaddu ż-żmien jikkontemplawha. Forsi ma niftakrux b’liema passjoni Alla ħalaq l-univers u wisq iktar lill-bniedem? Forsi l-Bibbja ma tgħidilniex li għamel kollox tajjeb?

It-tieni tifsira wkoll għandha ħafna xi tgħid. Forsi aħna l-Maltin ma ngħidux qed nara l-passjoni meta nkunu qed inbatu? U x’ser inkunu qed nagħmlu din il-ġimgħa jekk mhux niftakru fi tbatijiet ħorox li għadda minnhom il-Mulej biex jurina li jħobbna bi mħabba kbira?

Irrid imma nieqaf l-iktar fuq it-tielet sens ta’ din il-kelma. Dan is-sentiment mhux ’il bogħod minn qlubna. Nafu x’iġifieri meta tiġġennen fuq xi ħadd. Dan huwa s-sentiment li aħna narawh fil-maħbubin, ħafna drabi fl-ewwel esperjenzi tal-imħabba tagħhom, fejn il-persuna ma tibqa’ tara xejn ħlief l-oġġett tal-imħabba tagħha. Huwa l-ġenn tal-imħabba biex ngħidu hekk. Huwa s-sentiment li jkaxkrek lejn min tħobb. U huwa propju dan li ser niċċelebraw matul din il-ġimgħa.

Hija din il-passjoni ta’ mħabba għalina li ġennet lil Ġesù jterraq il-Palestina jwassal messaġġ ta’ mħabba. Hija din il-passjoni li għamlet lil Ġesù ħabib tal-pubblikani u l-midinbin. Hija din il-passjoni li minn Alla għamlitu bniedem. Hija din il-passjoni li żammitu mwaħħal ma’ salib, fidil sal-aħħar qatra ta’ demmu. Baqa’ fidil dejjem għall-passjoni li kellu għal kull bniedem. Hija l-istess passjoni li ġegħlitu jgħajjat: “Alla hekk ħabb lid-dinja.” (Ġw 3, 16) Min ħaseb li seta’ jeqirdu semgħu jgħid: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” (Lq 23, 34) Min nifdu b’lanza ntlaqat mill-istess passjoni u kellu jikkonkludi: “Dan tassew kien Bin Alla.” (Mk 15, 39)

Din hija l-passjoni li ssalva. Aħna ma salvatniex rieda kiesħa, imma mħabba taqbad. Meta jirnexxilna nilqgħu din l-imħabba mingħajr kundizzjonijiet u limiti, nibdew infiqu.

Fil-proċess ta’ fejqan jibda jkollna l-istess passjoni lejh li ħabbna b’passjoni u lejn id-dinja li ħalaq b’passjoni. Ma nibqgħux magħluqa fl-egoiżmi stupidi tagħna. Ma nibqgħux ilsiera ta’ affarijiet. Ma nibqgħux nimmaġinaw li l-ferħ marbut ma’ affarijiet li jtuni xi ħaġa, imma nibdew nindunaw li l-ferħ jiġi mill-passjoni ta’ mħabba lejn l-aħwa. Nibdew naħslulhom saqajhom! Nibdew naħfrulhom!

Hija l-istess passjoni li ġennet lill-qaddisin u lil kull min ħajtu ma żammhiex għalih, imma ta b’fidwa għal bosta. 

Fl-aħħar mill-aħħar kienet dik il-passjoni li ġiegħlet lil Kristu jidħak bil-mewt u jagħtiha tkaxkira. Nawguralkom li matul din il-Ġimgħa Mqaddsa tiskopru li Alla huwa appassjonat bil-ġenn tal-imħabba għalikom!

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.