EUSF_GirlInPain

Ħniena li tiskandalizzana

Il-5 Ħadd tar-Randan (Ġw 12, 20-33)

Ġieli ġratilkom li tmorru taraw lil xi ħadd marid u jġibilkom ħniena bl-istat li fih ikun jinsab. Naħseb li lkoll kellna din l-esperjenza li naraw lil xi ħadd li nkunu nħobbu qed ibati u qalbna tingħafas bil-ħniena. Madanakollu forsi ftit nindunaw li f’dak il-ħin tkun qed tintwera ħniena magħna. Kif? F’dak il-mument li jien tiġini ħniena minn xi ħadd li jkun qed ibati, tkun qed tintwera ħniena miegħi. Min ikun marid ikun qed jifdini mill-egoiżmu tiegħi, ikun qed jifdini mill-bżonn li nħares biss lejn il-bżonnijiet tiegħi, ikun qed joħroġni minni nnifsi biex jgħinni nuri ħniena. Inkun qed ninfeda mid-dnub tiegħi li naħseb biss fija nnifsi.

San Franġisk t’Assisi jista’ jgħinna nifhmu dan b’mod sempliċi. Nafu li l-konverżjoni ta’ San Franġisk, iġifieri l-mument li ħareġ ’il barra u waqaf jadura lilu nnifsu hija l-laqgħa tiegħu mal-lebbruż. Franġisk issa ma jiltaqax iktar mal-fqir li ma jista’ jagħtih xejn imma jiltaqa’ ma’ lebbruż li jista’ jagħtih biss il-marda tiegħu. U lilu jbus! Fehem li jista’ jirċievi ħafna meta l-ieħor ma jista’ jagħtih xejn anzi jista’ jagħmillu l-ħsara. Huwa f’dan il-mument li Franġisk neża’ minn kollox! Dak il-lebbruż seta’ jagħtih xi marda, imma araw x’tah. “Dak li qabel għalija kien morr inbidel għalija fi ħlewwa tar-ruħ u l-ġisem” (Kitbiet, Testment ta’ San Franġisk, v. 3). Hekk jikteb fit-Testment tiegħu. Proprju San Franġisk għamel ħniena mal-lebbruż, imma fil-verità huwa l-lebbruż li għamel ħniena ma’ San Franġisk.

U proprju għalhekk li issa jista’ jikkontempla l-Kurċifiss li għalkemm id-dehra tiegħu ġġiblek ħniena ġaladarba “ma kien fih ebda sura biex inħarsu lejh jew ġmiel biex nitgħaxxqu bih” (Is 53, 2), imma huwa Hu li f’dik il-kruha qed jagħmel ħniena miegħu. Għax Franġisk issa ma jħarisx lejn il-kruha tas-salib, tad-dnub, imma lejn l-imħabba li wasslitu jsir kruha mdendla ma’ għuda minħabba li “Dak li ma kienx dnub, Alla għamlu dnub għalina” (2 Kor 5, 20).

Huwa b’dan il-mod li Ġesù jiġbed lill-bnedmin kollha lejh meta jintrefa’ ’l fuq! Huwa l-Kurċifiss bil-kruha tiegħu, li waqt li jġiblek ħniena jagħmel ħniena miegħek. Huwa dan il-Kurċifiss li jfejjaq. Meta ninduna li Alla ma jarax id-dnub fija imma l-fedeltà ta’ ibnu msallab għalija. Meta ninduna li Ġesù ma ssallabx biex ibiddel l-idea ta’ Alla dwari, imma biex bil-fedeltà tiegħu jien nibdel l-idea żbaljata li kelli ta’ Alla, jien infiq.

Huwa dan biss li jfejjaqni – ħarsa ta’ ħniena. Ħarsa ta’ ħniena fuqi nnifsi, ħarsa ta’ ħniena lejn id-dnub tiegħi, ħarsa ta’ ħniena lejn id-dnub tal-oħrajn. U dan kollu huwa don! Kollox b’xejn! Il-ġest ta’ Ġesù fuq is-salib isir fi gratwità totali. Dik hi l-ħniena. Papa Franġisku fil-ktieb L-isem ta’ Alla huwa ħniena  jirrakkonta l-istorja ta’ waħda mara li marret titlob ħniena lil wieħed sultan għal binha. Is-sultan iweġibha: “Imma ma jistħoqqlux.” Il-mara twieġbu: “Proprju għalhekk qed nitolbok il-ħniena għax ma jistħoqqlux.” L-istess Papa jgħidilna li l-ħniena tmur tarġa ’l fuq mill-ġustizzja umana. Il-ħniena ta’ Alla tiskandalizzana, kif tiskandalizzana l-Ħniena ta’ Ġesù fil-Vanġelu. Hija don tiegħu kif jgħid l-istess San Franġisk: “Meta kont għadni fi dnub, il-Mulej tani l-grazzja li nibda nagħmel penitenza b’dan il-mod…” (Kitbiet, Testment ta’ San Franġisk, v. 2).

Jekk din il-ħniena għadha tiskandalizzana, allura jista’ jagħti l-każ li aħna għadna nqisu ruħna wisq bħala bnedmin ġusti! Jekk nindunaw li aħna midinbin imma maħbuba nistgħu nlissnu mal-Griegi tal-Vanġelu: “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (Ġw 12, 21). U mbagħad l-imħabba tfejjaqna u d-dawl jieħu post id-dlam, u nikkonvertu.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.