FLIS_security-guard-workspace2

Ħalla Kollox f’Idejna!

L-1 Ħadd tal-Avvent (Mk 13, 33-37)

Meta kont tifel niftakar ċar lil missieri jitlaq lejn ix-xogħol kmieni waranofsinhar. Kien jiġi l-għada filgħodu, u kont inħoss wens hekk kif nisma’ ċ-ċavetta dieħla fis-serratura tal-bieb. Anke jekk f’nofs irqad kont insegwi kollox; il-bieb jinfetaħ, jingħalaq, il-ħoss tal-basket li jitpoġġa fuq il-mejda, it-tislima lil ommi u fl-aħħar lilna. X’kien imur jagħmel billejl? Kien imur jagħmel l-għassa. Spiss konna nċemplulu biex naraw kif inhu; bosta drabi kien jgħidilna li ser immur jiċċekkja, idur il-post biex jara hemmx sinjali strambi, li l-bibien kollha magħluqa, u li m’hemm ħadd fiż-żona li mhux postu hemm f’dak il-post u dak il-ħin. Kien assidwu ħafna u attent li jara li kollox ikun qiegħed f’postu. Spiss waqt li aħna konna nkunu għas-sħana tas-sodda konna ngħidu: “Min jaf id-daddy xi jħoss tal-kesħa fuq ix-xogħol.” Meta kbirt ġieli kont naqbeż qabża sa ħdejh biex nara kif inhu jew neħodlu xi ħaġa tal-ikel. Spiss kien jirrakkonta li kien jgħaddi l-lejl fuq bank tal-injam. 

Hekk hu, biex tishar ma tridx tkun komdu. Ma jridx ikollok pultruna komda u lanqas ma tridx tkun għas-sħana, għax faċli li tmur għajnek bik u, waqt li tkun qed tieħu nagħsa tajba, il-ħalliel jidħol, jagħtik xi xebgħa u jagħmel ħerba fil-post. 

Ġesù għal dan li qed jistedinna llum. Qed jgħidilna li, filwaqt li hu mhux hawn, sakemm jerġa’ jiġi aħna rridu noqogħdu għassa, u nħarsu dak kollu li hu fdalna f’idejna. 

Qed jistedinna l-ewwel u qabel kollox inkunu għassiesa ta’ qalbna; naraw daħlux fiha elementi li qed jisirqulna dak li hu ħallielna fir-responsabbiltà tagħna. Faċli f’ħajjitna jidħlu persuni, oġġetti, kultant l-istess xogħol tagħna li ma jħalluniex iffukati fuq dak li l-Mulej fdalna f’idejna sabiex nieħdu ħsieb. Il-paċi tal-qalb mhix ċajta, faċli tinsteraq u bosta drabi nkunu aħna li niftħu l-bieb u lill-ħalliel ngħidulu: “Għaddi, qisu tiegħek, ħu li trid.” Insibuna nagħmlu paċi mal-għadu għax naħsbu li ser jagħtina xi ħaġa minn dak li seraq u ma nindunawx li jkun seraq lilna stess. Allura, tajjeb ngħassu d-deċiżjonijiet li nieħdu filwaqt li nħarsu lil qalbna. Il-Mulej qed jipprovdilna żmien qaddis biex naraw x’qed jgħammar f’qalbna. Jista’ jkun li tant għamilt ħabib mal-għadu, li ser ikolli naħdem qatigħ biex nikkonvinċih jitlaq ’il barra u jħalli ’l qalbi bi kwietha. Allura tajjeb insaqsi: Min qed jisraqli l-ferħ? X’deċiżjonijiet għamilt dan l-aħħar li tellfuni l-konċentrazzjoni? 

Jiġini f’moħħi li l-Avvent huwa wkoll żmien fejn jien nirrifletti ftit fuq il-proġett ta’ ħajja li l-Mulej afdali f’idejja: familja; sejħa reliġjuża jew presbiterali; il-komunità tiegħi; ir-relazzjonijiet fil-ħajja ta’ waħdi bħala persuna single; il-ministeru li afdali fil-komunità tiegħi. Kif qed inħares ir-relazzjonijiet tiegħi? Kulħadd għandu aċċess għalihom jew inkella nipproteġihom għax naf li r-relazzjonijiet daqskemm huma sbieħ, daqshekk ieħor huma fraġli? Kif qed inħares lil min il-Mulej afdali f’idejja biex inħarsu u ngħinu jikber? X’ħalib qed nisqih? 

Il-Mulej afdali wkoll is-soċjetà li qed ngħix fiha. Kif qed inħarisha? Jien wieħed minn dawk li għalija jgħaddi kollox basta ma jaffettwax lili? Kif qed inħares u nipproteġi l-ġid ta’ ħuti? Inħares id-drittijiet tal-oħrajn, anke ta’ dawk li huma tant ċkejknin li ma jistgħux iħarsu lilhom infushom? Liema mentalità qed niżra’ fis-soċjetà li ngħix fiha? Kollox jgħaddi jew jgħaddi dak biss li jibni? Meta naħseb fis-soċjetà tiegħi għaxar snin oħra kif nimmaġinaha: soċjetà li tixbah lill-ġenna fl-art jew babilonja? 

Għalhekk Ġesù jgħid: “Ishru.” Issa mhux żmien li norqod, imma żmien li nħares lil qalbi, ir-relazzjonijiet tiegħi, dak li l-Mulej afdali f’idejja, is-soċjetà li ngħix fiha. Ma ninsiex li l-arja li nħammeġ illum ser jieħdu n-nifs minnha wliedi għada. 

Għalhekk “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru”, “Mela ishru”, “Dak li qed ngħid lilkom qed ngħidu lil kulħadd: Ishru.” Naqra insistenti Ġesù llum, ma jimpurtax jekk inkunu aħna wkoll! 

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.