EUSF_ManRunning

Ħa jdum jiġri!

It-18-il Ħadd ta’ matul is-Sena (Ġw 6, 24-35)

Il-Kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann fih naqra tgerfix dwar it-traġitt li għamel Ġesù f’jumejn. Jibda billi jgħid li Ġesù jitlaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija b’ħafna nies jimxu warajh. Ma kinux mexjin warajh għalxejn imma għax kienu raw is-sinjali li kien għamel fuq il-morda. Mill-pjanura jmur fuq l-għoljiet. Jinkwieta li kienu bil-ġuħ u jkattar il-ħobż u l-ħut. Malli kielu u xebgħu, jiġu għalih u hu jaħrab lejn l-għoljiet għax riedu jagħmluh sultan. 

Filgħaxija d-dixxipli jaqbdu d-dgħajjes biex jerġgħu jaqsmu l-baħar imma hu jinżel minn fuq l-għoljiet u jimxi fuq l-ilma. Id-dixxipli jibżgħu imma jridu jtellgħuh fid-dgħajsa imma d-dgħajsa tmiss max-xatt hekk kif Ġesù ser jitla’ fuqha. 

L-għada n-nies jitħawdu waħda tajba. Dawn raw li max-xatt kien hemm dgħajsa waħda u ċerti li Ġesù ma kienx tela’ mad-dixxipli fuq id-dgħajsa. Ċerti li d-dixxipli marru waħidhom. Mela Ġesù fejn hu? Waslu xi dgħajjes oħra u Ġesù mhux fuqhom lanqas. X’taħwid, mela fejn hu? Fl-aħħar imorru Kafarnahum u jsibuh proprju n-naħa l-oħra tal-baħar u ovvjament, għax ma jafux li Ġesù kien għamel passiġġata fuq l-ilma billejl, isaqsuh: “Rabbi, meta ġejt hawn?” (Ġw 6, 25). Tħawdu msieken, tħawwadt jien u ċert li anke intom wara li qrajtu dawn it-tliet paragrafi. 

Imma l-Mulej hekk jagħmlilna meta nfittxuh għal raġunijiet żbaljati. Hu stess jgħidilhom li qed ifittxuh mhux għax raw is-sinjali imma għax kielu u xebgħu u fejn tidħol iż-żaqq ara min jipprova jwaqqafna. Il-ġuħ ikrah! Ġesù mhux furnar; kieku kien jiftaħ forn u jmur joqgħod Ħal Qormi u lanqas tal-grocer. Dawn ituk servizz u servizz tajjeb imma ma jtukx sens il-għala tgħix. 

Il-Mulej jagħtik il-ġuħ u l-għatx għal sens fil-ħajja. Il-ġuħ u l-għatx huwa għall-persuna tiegħu, għall-mod kif jaħseb hu, għall-mod kif jgħix, għal dak Alla li jixtieq jirrivelak. Li temmen li hu jista’ jagħmel dan kollu, li jista’ jtik sens għal ħajtek, li kollox jagħmel sens anke dak li jidher totalment bla sens. Jekk temmen li hu jista’ jagħmel dak kollu diġà bdejt taqta’ l-ġuħ u diġà bdejt taqta’ l-għatx. 

Ġesù qed jgħid li hu l-ħobż tal-ħajja. Tajjeb li nirriflettu anke dwar l-Ewkaristija u b’liema spirtu naslu sa quddiem l-artal biex nirċevuha. Mhux qed infisser dwar ir-riverenza, il-qima u r-rispett li għandu jkollna lejha. Dak neħduh b’ovvju. Imma qed nitkellem dwar id-diviżjonijiet li jkollna fina kull darba li nieklu l-ġisem ta’ Kristu imma l-attenzjoni hi biss fuq it-tqarbina u mhux ukoll fuq il-Kelma tiegħu li titma’ lil qalbna. Din hi diviżjoni kerha fina li kapaċi nkunu devoti u nieqfu hemm. Kull darba li naħseb li tqarbina hi xi magic u jekk nitqarben ser infiq jew ninbidel b’mod awtomatiku qed niżbalja bil-kbir. Spiss jiġrilna li ninsew li l-Ewkaristija ma tistax tinqata’ mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. L-Ewkaristija ma tistax issib postha jekk mhux f’mixja ta’ fidi ma’ komunità li temmen. Hekk biss tasal tfassalli ħajti u tagħmilni Nisrani. 

L-Ewkaristija hija l-ġisem tal-Mulej; ma tbiddilniex f’daqqa għax kieku biżżejjed li nitqarben dakinhar tal-preċett u jikkanonizzawni dakinhar filgħaxija. Kieku nafu wkoll fejn ikunu l-qaddisin; dawk li ssibhom il-knisja filgħodu u filgħaxija, imma nafu li l-ħajja mhux hekk, li la min jitqarben kuljum u anqas min iqaddes kuljum għadu ma jista’ jgħid li sar Ġesù ieħor. Anzi, jekk tisimgħu lil xi ħadd jgħid li sar xi Ġesù ieħor aħarbu minnu, jew minnha. Imma l-Ewkaristija hija l-esperjenza li jien kuljum nomgħod lill-Mulej u nħallih isawwarni bil-mod il-mod, filwaqt li jħallini jien, ibiddilni fih. Nintgħaġnu f’għaġna waħda. Misteru dan, imma veru!

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.