EUSF_Emergency

Emerġenza

It-13-il Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 5, 21-43)

Ma nafx ġieli kellkomx l-esperjenza fejn tkun mgħaġġel ħafna. Kollox ikun qed juri li int mgħaġġel, il-pass ta’ saqajk, tħares lejn l-art biex ħadd żgur ma jwaqqfek, daqqa ta’ ħarsa lejn l-arloġġ biex bħal speċi turi lil kulħadd li int mgħaġġel, u dak il-ħin, eżattament dak il-ħin, xi ħadd jgħidlek: “Ħa ngħidlek kelma.” Tinduna li l-panic u r-reċti ma swew għalxejn. It-timing tiegħek ma qabilx mat-timing ta’ min kellu bżonn ikellmek. Forsi ma jagħmlilniex ħażin li nitgħallmu ngħixu l-mument, milli l-ħin kollu naħsbu x’inhi l-biċċa xogħol li jmiss nagħmlu. Inkella verament inkunu qed niġru iktar mill-ħin! 

F’dan il-Vanġelu t-timings ma jaqblux. Għandna emerġenza, tifla ta’ 12-il sena qed tmut. Xi ħadd, li jaf li Ġesù għandu l-qawwa jfejjaq, jiġi jiġri b’qalbu f’idu biex forsi jseħħ il-miraklu: “Ejja qiegħed idek fuqha” (Mk 5, 23). Ġesù jitlaq, s’issa kollox sew, kulm’hemm ftit rass: “Kulħadd iross fuqu” (Mk 5, 24). 

Imma tiġri xi ħaġa li ttellef dan il-mument ta’ emerġenza. Mara, li tbati bit-tnixxija tad-demm, menstrwazzjoni kontinwa. Innutaw li kif it-tnejn li huma, tifla ta’ 12-il sena, li bijoloġikament tista’ ssir omm, tmut, u mara li ma tistax tiġġenera għax tbati mit-tnixxija tad-demm. It-tnejn li huma b’xi mod ma jistgħux jiġġeneraw. F’din l-ottika, m’hemmx problema li hija iktar gravi minn oħra. Ġesù jagħmel xi ħaġa, li lil Ġajru żgur qatgħatlu nifsu. Ġesù jieqaf! Mhux biss jieqaf imma ser joqgħod jiddiskuti minn messlu l-mantar. Din id-diskussjoni ma kinitx f’postha tant li tasal l-aħbar li issa m’hemmx iktar emerġenza: “Bintek mietet, għalfejn tħabbtu iżjed lill-Imgħallem” (Mk 5, 35). It-tama ntfiet! Issa m’hemmx iktar x’tagħmel! Tort ta’ dik il-mara? Tort ta’ Ġesù? Il-Mulej jikkummenta biss bi kliem li għandu jsalva kull sitwazzjoni li qed ngħixu: “Tibżax, biss int emmen” (Mk 5, 36). 

Forsi aħna wkoll ikun hemm drabi fejn insibuna f’emerġenza, fejn donnu ma jista’ jsir xejn ħlief xi intervent Divin, u bosta drabi l-intervent Divin ma jsirx. Ngħiduha kif inhi Ġesù biss kellu l-qawwa li jqajjem lil xi ħadd mill-imwiet. Ikun daħk fil-wiċċ jekk aħna naħsbu li hawn xi ħadd fuq l-art li għandu l-qawwa jqajjem lil xi ħadd mill-imwiet. 

Spiss jiġrilna li meta l-intervent Divin ma jseħħx il-fidi tagħna tiġi mċaqilqa mill-qiegħ. Forsi ngħidu: “Imma ilni nitlob daqshekk.” U ssib min jgħidlek: “Għax ma tlabtx sew, għax ma tlabtx bil-fidi.” Imma taħsbu intom li Ġesù meta kien fuq l-art fejjaq lil kull min messlu l-mantar? 

X’iġifieri “biss int emmen”?

Iġifieri:

1. Tagħmel paċi mal-fatt li int m’għandekx kontroll assolut ta’ ħafna sitwazzjonijiet li jiġu fuqek;

2. Li f’ċerti ċirkustanzi kulma tista’ tagħmel huwa li titlob – l-iktar talba importanti hija li jiġri x’jiġri mhux ser taqta’ qalbek;

3. Li tagħmel paċi mal-fatt li ċerti sitwazzjonijiet itulu ż-żmien biex jitfejqu;

4. Li tagħmel paċi mal-fatt li, anke jekk is-sitwazzjoni ma titbiddilx, Alla ser isostnik u anke jekk ma jbiddilx iċ-ċirkustanzi jtik il-faraġ fil-hemm;

5. Temmen iġifieri, temmen ukoll fil-ħajja u fir-ritmi naturali u kultant strambi tagħha – eżempju taċċetta li l-mewt u l-uġigħ huma aspett mill-iktar naturali tal-ħajja;

6. Li anke f’ċirkustanzi ta’ wġigħ nista’ nitgħallem xi ħaġa għall-ħajja. 

Int biss emmen li kollox jiswa għall-ġid ta’ dawk li jħobbu lil Alla. 

L-14-il Ħadd ta’ matul is-Sena

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.