L-14-il Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 6, 1-6)
Mhux diffiċli ħafna li nimmaġinaw li din l-istorja setgħet ġrat f’pajjiż bħal tagħna. Anke art twelid Ġesù kienet art b’kultura kemxejn magħluqa fejn kulħadd jaf lil kulħadd. Il-familja ta’ Ġesù kienet magħrufa sewwa, u wisq probabbli kienet familja bħal tagħna, bil-preġji u d-difetti tagħha. Il-familja ta’ Ġesù kellha oriġini fqajra, sempliċi, ta’ nies li jaqilgħu ħobżhom mill-ħidma ta’ kuljum. Wisq probabbli kien għad hemm xi ħjiel ta’ dubju dwar l-oriġini ta’ Ġesù. “Aħna mhux ulied iż-żina” (Ġw 8, 41), insibu lil-Lhud jgħidu lil Ġesù fil-Vanġelu ta’ San Ġwann. Min jaf kienx hemm xi ħadd li sar jaf li żmien qabel Ġużeppi xtaq jibgħat lil Marija bil-moħbi tan-nies għax ħarġet tqila mingħajr ma hu kien l-awtur ta’ dik it-tqala.
Madanakollu xejn ma jwaqqaf lil Ġesù li jxandar il-Vanġelu. Ma qagħadx lura milli jlissen il-Kelma ta’ Alla, anke jekk fuqu setgħu, min-naħa tan-nies, isaltnu ġudizzji u preġudizzji. Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu diversi drabi fejn saħansitra l-familjari tiegħu ma fehmuhx. F’Kapitlu 7 tal-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu ċar u tond: “Anqas ħutu ma emmnu fih” (5). Waħda agħar f’San Mark, Kapitlu 3, “Qrabatu, meta semgħu, ħarġu biex iżommuh għax qalu li tilef moħħu” (Mk 3, 21). Tal-għaġeb hux?! Ġesù kien ‘ta’ ġewwa’ għall-konċittadini tiegħu u allura kien ovvju li kliemu ma kienx ser iħalli daqshekk effett fuq is-semmiegħa tiegħu.
Imsieken dawn in-nies! Jagħmlu d-domandi żbaljati fuq Ġesù; minn fejn ġab l-għerf, kif qed jagħmel dawn il-ħwejjeġ! L-istess bħal meta jistaqsu l-għala Ġesù jmur tajjeb mal-pubblikani u l-midinbin, jistħarrġu l-intenzjoni tiegħu. L-imġiba ta’ Ġesù kellha tqanqal mistoqsija dwarhom infushom u mhux dwaru. Imma dejjem huwa iktar faċli titfa’ l-attenzjoni fuq ħaddieħor, biex bl-ebda mod ma ġġorr il-piż tal-kriżi li l-mistoqsijiet dwarek innifsek idaħħluk fiha.
Aħna, ovvjament, differenti minn Ġesù. Jekk fuq Ġesù kellhom xi jgħidu, ma kinux ġustifikati. Jekk fuqna għandhom xi jgħidu, xi drabi jkunu ġustifikati.
Min ikun imsejjaħ ixandar il-Vanġelu dejjem ser jiltaqa’ ma’ xi ħadd li ser isib xi ħaġa li ma ddoqqx fih, fil-passat tiegħu, fil-familja tiegħu, fil-passat tal-Knisja, fl-iżbalji li għamlet il-Knisja hawn, jew ’il barra minn xtutna. Wieħed faċli jaqta’ qalbu u jieqaf mix-xandir tal-Kelma.
Dan iżda, m’għandux jaqtgħalna qalbna. Id-dixxipli ta’ Ġesù m’għandhom qatt jaqtgħu qalbhom minħabba d-dgħufija tal-passat tagħhom jew tal-komunità li tagħha jagħmlu parti. Ix-xandir tal-Vanġelu jsir f’laqgħa bejn id-dgħufija tal-bniedem u l-ħniena ta’ Alla. L-ewwel komunità ta’ Ġesù bdiet b’dgħufija kbira. Ħadd mill-Appostli ma seta’ jiftaħar li kellu passat eċċellenti. Pietru seta’ jiġi akkużat bħala dak li għal iktar minn darba ċaħad lil Ġesù, filwaqt li Pawlu faċli setgħu jtemmgħulu ma’ wiċċu l-fatt li fl-imgħoddi kien terrorista. Dan però ma waqqafhomx li jkunu ħabbara mill-ikbar tal-Bxara t-Tajba.
Kull darba li ssibha diffiċli xxandar il-Vanġelu minħabba li xi ħadd pront pront ikun lest iċappaslek dgħufitek ma’ wiċċek ftakar li m’intix ixxandar qdusitek, imma l-qdusija ta’ Alla. Żomm f’moħħok li huwa dejjem iktar diffiċli xxandar il-Vanġelu lil min jafek sew, għax ikun jaf in-nuqqasijiet tiegħek ukoll, imma taqtax qalbek, ftakar li l-kejl tas-suċċess tal-Vanġeli mhux int, imma Ġesù Kristu.
L-istedina għall-koerenza tibqa’ dejjem attwali, daqskemm tibqa’ attwali s-sejħa li xxandar il-Vanġelu. Jekk qed tistenna li tkun perfett biex tibda xxandar ibqa’ ċert li mhu ser tibda qatt. U Alla jilliberak li ssir perfett għax dak il-ħin stess li taħseb li int perfett, tibda xxandar lilek innifsek u mhux il-Vanġelu.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.