EUSF_NotUnderstanding

Diskors li jħawwad

Il-21 Ħadd ta’ matul is-Sena (Ġw 6, 60-69)

Il-Lhud ma qablux bejniethom meta Ġesù tkellem dwar il-ħobż tal-ħajja. Dan il-Vanġelu nkiteb meta l-esperjenza tal-Ewkaristija kienet fl-aqwa tagħha; ma kienx biss twemmin imma prassi ta’ għajxien. L-Insara fil-bidu nett nett bdew jiċċelebraw l-Ewkaristija. Kien għalihom l-Għid ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Lil Ġesù issa kienu draw jagħrfuh waqt il-qsim tal-ħobż. L-istess bħalma kienu għarfuh id-dixxipli ta’ Emmaus.

Issa, ma kinux jagħrfuh iktar mis-sinjali u l-għeġubijiet:

L-Appostli kollha mietu martri u ħadd minnhom ma qam mill-mewt;

Dawk in-nies li kien qajjem Ġesù mill-mewt mietu wkoll;

Pietru li wkoll għamel mirakli ta’ fejqan, kienu ilhom li qatluh;

Il-ħeġġa ta’ Pawlu wkoll intfiet ghax anke lilu qatlu.

Mela x’kien baqa’ ġaladarba l-glorja għebet u baqa’ biss il-persekuzzjoni?

Relazzjoni intima mal-Mulej Ġesù.

Anke aħna spiss ngħaddu mid-dlam, mirakli ma jsirux. Kemm-il darba staqsejna lill- Mulej għaliex mhux jismagħna jew kemm ser idum ma jismagħna, forsi fil-fond inkunu mxennqin għal miraklu wkoll. Inħossuna tassew qed inġorru s-salib, norqdu naħsbu dwaru u nqumu naħsbu fih u forsi fis-solitudni ta’ tbatija nindunaw li hemm bżonn nagħmlu xi ħaġa. Illum Ġesù għall-mistoqsija dwar x’kellhom jagħmlu biex iwettqu l-opri ta’ Alla, Ġesù jweġibhom li kellhom jemmnu f’dak li hu bagħat iġifieri fih. 

Relazzjoni personali ma’ Ġesù tagħtik ħafna iktar mill-isforzi tiegħek biex takkwista l-ħobż, sens fil-ħajja.

Jekk tħossok waħdek, f’intimità miegħu, issibu jgħidlek li hu dejjem miegħek sakemm itul iż-żmien.

Jekk ċaħduk sħabek stess issibu jgħidlek li int hieni għax għajruk, ippersegwitawk u qalgħu kull xorta ta’ gideb fuqek minħabba fih. Anzi jgħidlek ukoll li ħlasek kbir fis- smewwiet.  

Jekk tħoss li ma jemmnukx, il-Mulej jgħidlek li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, iġifieri m’hemmx għalfejn jemmnu lilek. 

Jekk tħossok qed tbati wisq tisimgħu jgħidlek sabiex tmur għandu jekk int imħabbat u mtaqqal u hu ser jagħtik is-serħan li qalbek tant tixtieq.

Jekk int fid-dlam ser tisimgħu jgħidlek li hu d-dawl tad-dinja.

Jekk tħossok mitt minn ġewwa ser tisimgħu jgħidlek li Hu l-qawmien u l-ħajja u li kull min jemmen fih ma jmut qatt. 

Jekk dnubietek itaqqluk u tħossok għadek iġġorr id-dnub tiegħek għax kulma tagħmel ifakkrek fih, jew inkella jfakkruhulek ser tisimgħu jgħidlek li ħadd mhu ser jikkundannak u li dnubietek maħfura. 

Aħna nemmmu li dan kollu mhux biss nisimgħuh imma nikluh, isir parti minna u aħna nsiru dak li nieklu. L-Ewkaristija hija dan kollu flimkien mal-għotja tagħna nfusna. Kif Ġesù jagħmel bil-ħobż (jieħdu f’idejh, ibierku, irodd il-ħajr, jaqsmu u jagħtih) hekk imsejħa nkunu aħna. Inkunu demm li jixxerred għall-bnedmin kollha.

Huwa hu biss li jaqta’ l-ġuħ u l-għatx għall-ħajja. Allura fittxu lil Ġesù, agħtuh il-ħin, tgħallmu frażijiet bl-amment mill-Vanġelu, araw li jkollkom fikom l-istess sentimenti li kienu fi Kristu Ġesù, aqdu bil-ferħ, tħallu lil ħadd jisraqhulkom.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.