Is-17-il Ħadd ta’ matul is-Sena (Ġw 6, 1-15)
Il-Vanġelu li għadu kif ġie mxandar għalina llum ikompli ma’ dak li ġie mxandar għalina l-Ħadd li għadda. Ġesù jagħmel ikla kbira, ġeneruża, differenti minn dik ta’ Erodi li fl-ikla tiegħu jieklu biss dawk li huma diġà mxebbgħin. Fl-ikla ta’ Erodi ma jingħata xejn b’xejn, għax tittieħed il-ħajja tal-profeta – Ġwanni l-Battista. L-ikliet tal-għonja jagħtu l-impressjoni li huma b’xejn, imma huma ikliet il-qerq. Huma dawk l-ikliet li suppost qed jagħtuk ħafna, imma wara ftit jerġa’ jaqbdek il-ġuħ. Huma dawk l-ikliet li jagħtuk l-impressjoni li ser jissodisfawlek il-bżonnijiet tiegħek; imma ħafna drabi tibqa’ bil-ġuħ jew inkella agħar minn hekk ikollok tħallas prezz qares tal-ikla li tkun kilt. Huma ikliet illużorji li jeħdulek il-libertà.
L-ikla ta’ Ġesù hija b’xejn, u ma tilludikx li wara li ser tiekol mhux ser jerġa’ jaqbdek il-ġuħ. Ġesù jagħti l-ikel b’xejn biss biex iwasslek għal livell ieħor ta’ ġuħ u livell ieħor ta’ ikel. Ġesù jitimgħek iva, imma mal-ikel ipoġġilek mistoqsija: “X’inhu l-veru ġuħ tiegħek?” Jagħtik ukoll is-soluzzjoni! Inti tixba’ biss jekk tiekol lilu. “Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert u mietu” (Ġw 6, 49).
Ġesù jħoss il-bżonn li, wara li jagħmel il-miraklu tal-ħobż, jispjega li dak li għamel hu permezz tal-miraklu huwa biss sinjal. Ġesù jaf li l-intenzjoni tan-nies mhix li jaqtgħu l-ġuħ tal-ħajja, tas-sens, tal-iskop għal xiex tgħix, imma huwa biss li jaqtgħu l-ġuħ li jgħaddi u jfiqu minn mard, li terġa’ timrad bih. Infatti dan ir-rakkont jiftaħ u jagħlaq billi jikxef x’kienu l-intenzjonijiet tan-nies ta’ żmien Ġesù: “Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda” (Ġw 6, 2) u jispiċċa: “Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, reġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet” (Ġw 6, 15). In-nies riedu biss ifiqu fiżikament u jaqtgħu l-ġuħ permezz ta’ biċċa ħobż!
U aħna xejn m’aħna differenti minnhom! Il-ġuħ tagħna ħafna drabi huwa dak il-ġuħ tal-mument. Anzi, ejja nkunu naqra iktar fil-verità magħna nfusna. Kull wieħed u waħda minna nbatu l-ġuħ; ġuħ għall-apprezzament, ġuħ għall-imħabba, ġuħ għall-approvazzjoni, ġuħ li nkunu stmati, li tgħaddi tagħna u ħafna drabi naqtgħu dan il-ġuħ b’affarijiet li jgħaddu; nixtru xi ħaġa li tiswa, nidħlu f’relazzjoni li mingħalina ħa taqtgħalna l-ġuħ għal ftit imħabba, nagħmlu minn kollox biex nidhru u nkunu apprezzati. Abbli, forsi, għandna ħjiel tal-ġuħ li hemm fina, imma nippruvaw naqtgħuh, b’affarijiet li, bħall-ħobż, jaqtgħulna l-ġuħ għal mument u jagħmluna iktar bil-ġuħ.
U l-Kelma ta’ Ġesù hija ċara magħna: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-Bniedem jagħtikom” (Ġw 6, 27). Ġesù jkompli jkun iktar ċar magħna: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6, 35).
Allura kif ser nagħmel biex ma nkunx iktar bil-ġuħ; billi ninduna jien x’ġuħ għandi. L-ewwel u qabel kollox irrid inkun sinċier miegħi nnifsi x’inhu l-ġuħ li hemm fija. Dan bħal meta jkolli aptit xi ħaġa; x’għandi aptit. Hawn min anke din isib diffiċli għax f’restorant isaqsik: “Inti, x’ser tieħu?” Biex imbagħad jieħu bħalek. Mistoqsija oħra hija: “Minn fejn ġej dan il-ġuħ?” Tajjeb li nitgħallmu nfittxu l-għeruq ta’ minn fejn ġej il-ġuħ tagħna. Imbagħad irridu niftakru li l-ebda ħaġa u l-ebda persuna fid-dinja qatt mhu ser taqtgħalna dan il-ġuħ li hemm fina. Fina dejjem hemm vojt, dejjem hemm sens li aħna mhux kompluti, u dejjem hemm solitudni li rridu nitħabbu magħha. Imbagħad nifhmu li l-iktar relazzjoni li tasal tissodisfalna dak il-ġuħ hija relazzjoni ma’ xi ħadd li huwa ’l fuq minn dak li aħna qatt nistgħu naħsbu jew nixtiequ!
Hemm sigriet ieħor u dan jaffettwa kif aħna nħobbu lil xulxin – dawk li aħna nsejħulhom relazzjonijiet. Aħna nistgħu nħarsu lejn xulxin, qishom l-oħrajn huma xi biċċa ħobż, ċikkulata jew ġelat. Inħobbok, għax tagħtini togħma tajba, għax iġġegħelni nħossni aħjar, għax tissodisfa xi bżonn fija, għax hemm vojt li qed nimmaġina li int ser timlihuli. Allura tajjeb li meta nidħol f’relazzjoni ma’ xi ħadd, anke l-iktar waħda sempliċi ngħid: “Imma jien x’qed nistenna minn din il-persuna?” Malli jkollok ir-risposta għid: “Abbli dak li qed nistenna, din il-persuna wkoll għandha bżonnu, mela ma tistax tagħtihuli.”
Noqogħdu attenti wkoll li aħna ma nippreżentawx ruħna quddiem l-oħrajn bħala dawk li nistgħu nissodisfaw kull bżonn tal-persuna l-oħra, inwieġbu kull mistoqsija, nagħtu sens lill-persuna l-oħra għal xiex tgħix, insiru aħna salvaturi. Hekk iktar kapaċi noħolqu dipendenzi milli relazzjonijiet. Niftakru! Ġesù Kristu, li jista’ jissodisfa kull bżonn tagħna, ħarab meta riedu jeħduh bilfors biex jagħmluh sultan. Lanqas Alla ma jippermettilek li tieħdu bilfors, għax dik mhix imħabba. Anzi, spiss u b’gost, Alla jħallik nieqes biex int tibqa’ tixxennaq għalih, u iktar ma tixxennaq, iktar tiġi purifikat, biex tkun trid lilu biss u mhux dak li jista’ jtik.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.