Dehxa

II-31 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 23, 1-12)

Ajma ħej! X’shower kiesħa dan il-Vanġelu, u issa li t-temp beda jiffriska xi ftit, kulħadd jkun jixtieq shower naqra iktar fietla, imma dan il-Vanġelu huwa shower kiesħa tassew. Jekk wara li taqra jew tisma’ dan il-Vanġelu tħossu nieżel fuqek bħal barmil silġ fl-eqqel tax-xitwa, tajjeb! Irringrazzja ’l Alla! 

Meta wieħed jaqra dan il-Vanġelu, jekk hu xi ftit jew wisq fil-verità miegħu nnifsu jinduna li anke hu huwa inkoerenti, iġifieri dak li jgħid mhux dejjem jaqbel m’għemilu.

L-inkoerenza ma tinkwetanix daqshekk, għax fil-verità kemm min jisma’ l-Vanġelu u kemm min jippritkah, it-tnejn li huma jsibu ruħhom inkoerenti f’ħafna affarijiet.

Ninkwieta jekk dik l-inkoerenza ssir stil ta’ ħajja.

Ninkwieta jekk il-Vanġelu ma jibqax jisfida għall-konverżjoni la lil min jisimgħu u lanqas lil min jippritkah.

Ninkwieta meta l-inkoerenza tiġi ġġustifikata.

Ninkwieta meta l-inkoerenza ta’ min ixandar il-Vanġelu ssir skuża tajba biex min jisimgħu ma jgħix dak li jkun qed jisma’. L-iskuża tkun: ‘Aħjar jara x’jagħmel hu/hi.’ ‘Jekk ma jgħixux hu/hi, ser ngħixu jien?’ Min-naħa l-oħra Ġesù huwa ċar ħafna: “Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.” (Mt 23, 3) Ikollna nkunu sinċiera li ħafna drabi nużaw l-inkoerenza ta’ ħaddieħor biex niġġustifikaw l-inkoerenzi tagħna.

Ninkwieta meta min ixandar il-Vanġelu, ma jkunx qed ixandar fejn jixtieq jasal, imma jipprova jagħti l-impressjoni li hu wasal għall-ideali li qed jipprietka.

Ninkwieta meta min qed ixandar jinsa li hu f’mixja u jippretendi, kważi b’obbligu, li ħaddieħor jasal fejn hu għadu lanqas beda.

Kulħadd, kemm min ixandar u kemm min jisma’, irid jiftakar li għandu l-ġlidiet tiegħu. Kemm drabi, anki ġenituri jkunu jixtiequ xi ħaġa tajba mit-tfal tagħhom, imma jkunu jafu li f’affarijiet oħra huma għadhom qed jaqdfu. Dan però ma jaqtgħalhomx qalbhom li jixtiequ u jipproponu l-aħjar għal uliedhom. Min ixandar il-Vanġelu jibqa’ obbligat ixandru għax waqt li qed ixandar mhux qed ixandar il-qdusija tiegħu (jalla tkun hemm din ukoll), imma l-qdusija ta’ Alla.

Il-problema tal-Fariżej kienet li naqsu milli juru lin-nies li huma wkoll kienu qegħdin f’mixja; li huma wkoll kellhom bżonn konverżjoni; li huma wkoll kienu midinba. Dan ix-xogħol ħafna drabi kien jagħmlu Ġesù għalihom: jurihom quddiem kulħadd l-inkoerenzi tagħhom; li huma ma kinux qed jaraw, jew inkella kienu qed jaħbu.

Il-problema tal-Fariżej kienet li ma kinux qaddejja tan-nies li kienu qed imexxu, imma riedu jwasslu n-nies għat-tajjeb billi jżidu kemm jifilħu liġijiet u preċetti biex josservawhom. Il-qaddej jimxi miegħek fi triq anzi jkun ta’ spalla fin-nuqqasijiet tiegħek.

Li jagħmlilna kuraġġ hu li fil-Vanġelu nsibu xi Fariżej li jiksbu s-simpatija ta’ Ġesù: Nikodemu u Ġużeppi minn Arimatea. Nikodemu jirbaħ lil Ġesù għax jurih li hu kien ukoll f’mixja. Ġużeppi ma jibżax joffri difna sabiħa lill-Imgħallem.

Kieku l-Fariżej baqgħu jgħallmu dak li kienu qed jgħallmu, imma wrew li huma wkoll kienu dgħajfa u li għandhom bżonn ta’ konverżjoni, kieku żgur li kienu jiġbdu iktar is-simpatija ta’ Ġesù. Kieku fehmu dak l-atteġġjament li ’l quddiem, Pawlu “Fariżew u bin il-Fariżej” (At 23, 6) kiteb: “Imma bija nnifsi ma niftaħarx ħlief b’dak li hu dgħajjef fija” (2Kor:12:5), kieku kienu jkunu iktar kredibbli.

San Franġisk t’Assisi huwa ċar ħafna dwar dan:

Biex, għalhekk, tista’ tiftaħar? Anki li kien tant jilħaqlek u għaref, u kellek il-għerf, u taf tfisser l-ilsna kollha, u tgħarbel il-ħwejjeġ tas-sema b’tant sengħa, ma kienx ikollok biex tiftaħar. Għax anki jekk wieħed jirċievi mingħand il-Mulej għerf speċjali tal-ogħla għerf, xitan wieħed jaf dwar il-ħwejjeg tas-sema, u jaf aktar dwar il-ħwejjeġ tal-art aktar mill-bnedmin kollha.

Bl-istess mod, jekk inti aktar gustuż u għani minn kull wieħed ieħor, anki kieku kellek tagħmel il-mirakli u tagħmel li x-xitan jaħrab, dawn il-ħwejjeġ kollha jkunulek ta’ ħsara, xejn mhu tiegħek, u ma tista’ tiftaħar b’xejn b’dawn il-ħwejjeġ.

Imma nistghu niftaħru b’ħaġa waħda biss: b’dak li hu dgħajjef fina u li nġorru kuljum is-salib tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. (Twissijiet ta’ San Franġisk t’Assisi, 5)

Jalla l-Mulej jibqa’ jurina li aħna lkoll Fariżej msejħa għall-konverżjoni u nagħmlu xi ħaġa konkreta biex nimxu fit-triq it-tajba.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.