It-32 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mt 25, 1-13)
Nassumi li ġieli kontu f’xi knisja għal xi tieġ! Wieħed mill-isbaħ mumenti huwa xħin tasal l-għarusa. Huwa l-mument fejn kulħadd iqum bilwieqfa b’sinjal ta’ rispett. Kulħadd jitbissem lill-għarusa, bejn għax kuntenti għaliha, bejn għax kulħadd ikun jixtieq jara l-libsa li l-għarusa tkun għażlet għall-okkażjoni, kif ukoll kif ikunu għamlulha xagħarha. Xi demgħa jkun hemm min ixerred ukoll.
Naħseb li ġieli ġralkom ukoll li l-għarusa tittardja xi ftit u kulħadd bil-kwiet joqgħod jistenna; jekk ikun is-sajf tara għadd ta’ mrewwaħ jiċċaqilqu qishom bħal friefet itiru flimkien. Normalment f’dawn iċ-ċirkustanzi ħadd ma jgerger; kulħadd jaf li qed jistenna l-għarusa; kulħadd ċert li ser tasal. Żgur li l-għarus ikun l-iktar wieħed fuq ix-xwiek li jara l-maħbuba tiegħu riesqa lejn l-artal. Niftakar darba kont waqt tieġ fejn l-għarusa ttardjat ftit, l-għarus mingħajr ma ħasibha darbtejn qabad il-microphone u qal: ‘Stennejtha disa’ snin, ma ġara xejn billi nistennew tliet kwarti.’ Hu ma inkwetax, imma jien iva, għax wara t-tieġ kelli quddiesa oħra n-naħa l-oħra ta’ Malta! Bilħaqq, laħħaqt! Imma hu x’inhu l-istennija tal-għarusa għat-tieġ qatt mhi kerha.
Fil-parabbola li jirrakkonta Ġesù huwa l-għarus li jdum ma jasal. Fi żmien Ġesù kien l-għarus li jmur jiltaqa’ mal-għarusa d-dar tagħha. L-għarusa ma kinetx tkun weħidha. Magħha kien ikollha lil sħabha xebbiet jistennew l-għarus ġej. Hekk kif kien jitfaċċa kienu jiffurmaw bħal purċissjoni bl-imsiebaħ f’idejhom, lebsin l-abjad, huma quddiem u l-għarajjes warajhom, kollox f’atmosfera ta’ festa.
Dan l-għarus jittardja. Ma setax javża qabel. Ma kellux mowbajl. Lanqas ix-xebbiet ma kellhom u spiċċaw raqdu. Imma fis-siegħa u l-ħin jinstema’ leħen: ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ Ħamsa minnhom kienu mhejjija, ħamsa le. Id-differenza? Iż-żejt fil-kwies. Il-boloh ma kellhomx żejt fil-kwies. Il-problema ma kinetx li raqdu. Kollha raqdu, imma li ma kinux preparati għall-eventwalità li l-għarus jista’ jittardja. Bħal donnu għax ittardja, ħasbu li mhux ser jiġi iktar. Forsi immaġinaw li issa żgur mhux ġej billejl. Filgħodu jmorru jixtru. L-għaqlin ma jtuhomx żejt minn tagħhom, għax kienu jispiċċaw boloh bħalhom. Dawn jibqgħu jassumu li ż-żejt tal-musbieħ jista’ jispiċċa u jkollhom bżonn iktar żejt. Ma setgħux jirriskjaw li jispiċċaw bħall-boloh. Dawk imorru jixtru, il-bibien jingħalqu u jibqgħu barra. Imsieken!
Kemm jista’ jiġri hekk lilna wkoll. Nimmaġinaw li l-għarus mhu ġej qatt. Allura ma nibqgħux nagħtu kas. Bħal dak il-qaddej li jsemmi Ġesù, li kif jillarga s-sid jibda jsawwat lill-qaddejja li jkunu afdati lilu. Naħsbu li għax s-sid ma jidhirx bħalissa, mhu ser jidher qatt. Hekk bil-mod il-mod tibda titneħħa l-idea ta’ Alla mill-imħuħ u mill-qlub. Ninsewh u ngħixu daqslikieku qatt mhu ġej. Jekk Alla jmut mill-qlub, jekk imut mis-soċjetajiet tal-bnedmin, jekk ma nistennewhx iktar, nispiċċaw indallmu s-soċjetà. Soċjetà li tneħħi lil Alla mill-qlub tispiċċa toqtol lilha nfisha. Soċjetà li tippretendi li teqred lil Alla mill-ambjenti tagħha, tkun qed tipprepara l-qerda tagħha stess.
Aħna l-insara li bi ftit jew ħafna diffikultajiet qed nippruvaw ngħixu l-Vanġelu nistgħu malajr nitħajru minn min lil Alla nsieh, u aħna wkoll ma nibqgħux nistennewh. F’li tistenna lil Alla, hemm ferħ mhux l-‘uffa’ u l-infiħ ta’ meta tkun mgħaġġel u lil min tkun qed tistenna m’hemmx li jasal.
Jista’ jkun ukoll li l-Mulej lilna qed isejħilna biex inkunu dik il-vuċi li tgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!” (Mt 25, 6) Forsi lilek il-Mulej qed isejjaħlek biex ma tħallix li fl-ambjenti tiegħek in-nies jorqdu waqt li jistennew jew qed isejjaħlek biex hekk kif jorqdu tqajjimhom. “Waslet is-siegħa li tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hija eqreb minn meta bdejna nemmnu,” (Rm 13, 11) jgħidilna San Pawl. Li s-salvazzjoni tagħna hija eqreb minn meta bdejna nemmnu hija t-tama li żżommna mqajma. Hija l-fidi, iċ-ċertezza li nxandru: ‘Xi darba l-Messija jerġa’ jiġi.’ Hija l-imħabba li fuqha hija mimlija l-fidi tagħna li qatt ma tista’ tkun ħaġa privata, li qatt ma tista’ tingħalaq bejn erba’ ħitan! “Dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut,” (Mt 10, 27) jgħid Ġesù. “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.” (Mt 16, 40) “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel.” (Lq 19, 40)
Is-saltna tas-smewwiet hija realtà tal-ġejjieni, imma li ġa qed tinbena hawn fuq l-art. “Is-saltna t’Alla f’nofskom qiegħda.” (Lq 17, 21) Ħafna drabi ma tkunx evidenti imma għalhekk irridu nfittxuha biex nindunaw li ġa bdiet tinħema, nimtlew passjoni u nkomplu nibnuha sakemm issib il-milja tagħha meta jerġa’ jiġi hu. Fejn hemm l-imħabba, hemm is-Saltna t’Alla preżenti. F’kull persuna tixgħel t-tama fil-qlub. F’kull persuna tixgħel il-musbieħ tal-fidi. F’kull persuna mimlija ħlewwa, tiġġieled il-ħażen, iġġib il-paċi, tqajjem fuq saqajh lil min hu batut, tmur il-missjoni u tagħtiha ħajjitha, tibni l-familja fl-għożża, iżżur il-morda, il-ħabsin, għandha għal qalbha l-Vanġelu ta’ Ġesù u tixgħel in-nar tal-imħabba tiegħu fil-qlub.
Żommu l-musbieħ mixgħul biex tagħtu d-dawl, biex taraw is-saltna t’Alla tikber, u taqtgħux qalbkom.
Alla tagħna hu l-għarus li ġej! Hu Alla tal-paċi. Nistennew biex joħloq fostna sema ġdid u art ġdida fejn isaltan is-sliem.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv