It-5 Ħadd tar-Randan (Ġw 11, 1-45)
Lill-agħmi li ġie jara qalgħulu qalbu l-qassisin, u lil Lazzru riedu joqtluh flimkien ma’ Ġesù. Hekk jgħid il-Vanġelu. Barra minn hekk, Lazzru miskin, ma ġitux żewġ sal-aħħar għax kellu jgħaddi mill-esperjenza tal-mewt darbtejn. Battikata doppja. Fil-Vanġelu ma nsibux li Lazzru baqa’ ħaj għal dejjem, għax kieku għadu ħaj ser ikollna mondjali tal-iktar bniedem anzjan fid-dinja. Mela żgur li reġa’ miet!
Toqogħdux tistagħġbu b’Lazzru, għeżież, għax anke jien u int mistiedna mmutu darbtejn. Żgur ser ngħaddu mill-mewt tal-ġisem, imma hemm mewt oħra li aħna mistiedna ngħaddu minnha. Hija l-mewt tal-bniedem il-qadim, il-bniedem tad-dnub. Hekk kif imut fina l-bniedem qadim, jitwieled fina l-bniedem il-ġdid.
Għall-ewlenin insara dan il-punt kien ċar ħafna. Fil-Magħmudija, li normalment kienet issir fl-età adulta, il-katekumenu (dak li kien ikun ser jitgħammed) kien jinżel minn naħa waħda tal-battisteru (li kien ikun ħofra fl-art mimlija bl-ilma) jiġi mgħaddas tliet darbiet fl-ilma, u jerġa’ jitla’ min-naħa l-oħra tal-battisteru. Kif jitla’ kien jingħata l-libsa l-bajda bħala simbolu li issa sar ħolqien ġdid.
Kif forsi tafu l-ewwel komunitajiet insara kienu jgħammdu fil-Velja tal-Għid il-Kbir u għall-magħmudija kien ikollhom preparazzjoni twila, ġieli anke sentejn. Fl-aħħar ħadd tar-Randan ta’ qabel il-magħmudija, kienu jirriflettu fuq il-Vanġelu tal-lum, u fuq dawk li qrajna fl-aħħar ħdud li għaddew; jiġifieri l-agħma mit-twelid u l-ġrajja tas-Samaritana.
Il-mara Samaritana, l-agħma mit-twelid u Lazzru huma l-persunaġġi, li dawk li kienu ser jitgħammdu kienu mistiedna li jirrifletti fuqhom biex jagħmlu l-istess passaġġ li għamlu huma: mid-dlam għad-dawl, minn nuqqas ta’ verità għal verità sħiħa fi Kristu Ġesù, u mill-mewt għall-ħajja. Ġesù kien ikun imxandar lilhom bħala d-dawl tad-dinja, l-ilma li jaqta’ l-għatx u l-qawmien u l-ħajja.
M’hemmx bilfors immorru wisq ’il bogħod għall-ewwel magħmudijiet fl-ewwel komunitajiet insara. Il-Velja li ser niċċelebraw nhar Sibt l-Għid għandha fiha dawn l-elementi kollha. Fil-bidu tagħha ser ngħaddu mid-dlam għad-dawl. Min-nofs il-komunità jgħaddi l-blandun mixgħul simbolu tad-dawl tad-dinja. Permezz tal-ilma mraxxax fuqna, u l-ilma tal-Magħmudija ser nerġgħu ntennu li minn kull min jemmen fil-Mulej Ġesù minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj. Ser inkunu qed niċċelebraw il-qawmien tal-Mulej mill-imwiet u miegħu ser inqumu aħna wkoll.
Il-Velja ta’ nhar is-Sibt, il-Knisja ssejħilha l-velja tal-velji. Fiha aħna mistiedna nġeddu l-impenn tagħna li nagħtu l-aħħar daqqa lill-mewt u nitwieldu bħala bnedmin ġodda.
Forsi Lazzru kien żvinturat li miet darbtejn, imma aħna żgur li le. Meta fina jmut il-bniedem il-qadim fina jitwieled bniedem iktar ħieles. Bħall-agħma li ġie jara nibdew naraw b’mod differenti; bħall-mara Samaritana li għarfet il-verità fil-ħniena aħna wkoll nerġgħu nitwieldu għall-imħabba vera. Mhux ta’ b’xejn li nerġgħu nkantaw Hallelujah. Oops, mhux għalissa; għadna fir-randan. Tinkwetawx is-Sibt jasal ukoll.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv