Is-27 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 10, 2-16)
Illum il-Mulej ikellimna fuq realtà sabiħa ħafna – iż-żwieġ u l-familja. Madanakollu din ir-realtà daqskemm hi sabiħa, daqshekk ieħor hi delikata. Ħasra li l-Fariżej isaqsu lill-Mulej dwar din ir-realtà mhux b’xi fini li joħorġu s-sbuħija ta’ dan il-misteru ta’ relazzjonijiet imma sempliċiment biex iġarrbuh. Ma talbuhx tagħrif dwar is-suġġett imma l-mistoqsija tagħhom għandha l-intenzjoni li tattakka lilu personalment.
Rigward iż-żwieġ ħafna drabi jkollna nagħmlu l-kontijiet mad-differenza li hemm fl-ideal u ma’ dak li jista’ jiġri fir-realtà. Nafu li l-ideal huwa żwieġ għal dejjem, imma fir-realtà nsibuna nġorru l-ġerħat ta’ separazzjonijiet, annullamenti u divorzji. Huma realtajiet li jġorru fihom ħafna weġgħat, piki, xi drabi vjolenza u azzjonijiet ħżiena fejn bosta drabi jbatu l-konjuġi nfushom, familjari tagħhom, kif ukoll it-tfal.
Tajjeb li nagħmlu wkoll il-kontijiet, mhux biss ma’ dawn imma anke ma’ jien x’qed nistenna miż-żwieġ u x’inhu dak li anke jekk għadni ma għextux jista’ jinqala’ fil-ħajja miżżewġa.
Aħna nidħlu għaż-żwieġ bit-tama li dik ir-relazzjoni partikulari tagħti sens lill-eżistenza tagħna fuq din l-art. Fil-bidu tal-ħajja miżżewġa jidher li jkun hemm proġett komuni ċar ħafna – “aħna rridu ngħixu u nikbru flimkien”. Il-proġett komuni huwa r-relazzjoni fiha nfisha u għal ħafna tibda wkoll bħala relazzjoni li ser isseħħ f’Alla. Relazzjoni esklussiva ser tkun din ir-relazzjoni li ħa tiddetermina l-proġett li aħna nsejħulu: ‘ħajjitna’.
Kemm hu utli li meta xi ħadd jiġi biex jieħu dan l-impenn fil-ħajja jkun ukoll ftit saqajh mal-art u l-ewwel u qabel kollox jara hu xi jrid minn din ir-relazzjoni. Kultant jista’ jiġrilna li mogħmijin bil-fażi tan-namur (normali) nibqgħu għaddejjin u qatt ma nsaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal:
• Jien min jien?
• X’qed jimmotivani?
• Jien x’nixtieq minn din ir-relazzjoni?
Jista’ jkun li, għalkemm kultant ikollna intenzjonijiet tajba, mhux dejjem ikunu daqshekk tajba li ser iwassluni fil-verità biex jien nagħti ħajti għall-persuna li magħha nixtieq nibni l-bqija tal-eżistenza tiegħi.
Hemm motivazzjonijiet li, għalkemm jidhru raġunati, ma jkunux daqskemm jidhru bħal ngħidu aħna: ma nixtieqx inkun waħdi; din il-persuna ser timla dak li hemm nieqes fija; din il-persuna biex tkun persuna sħiħa għandha bżonn lili.
Matul il-mixja tal-ħajja tajjeb li nieqfu u nirriflettu. Meta l-affarijiet ma jkunux daqshekk entużjażmanti daqskemm kienu fil-bidu mhux neċessarjament ifisser li żbaljajt it-triq. Tajjeb li f’mumenti bħal dawn insaqsu x’kienu l-aspettazzjonijiet li kelli rigward iż-żwieġ u nkun sinċier miegħi nnifsi li forsi kienu wisq ’il bogħod mir-realtà, bħal ngħidu aħna: aħna mhux se jkollna xi ngħidu; il-ħajja sesswali tagħna ser tkun dejjem esperjenza qawwija; ser inkunu mdawrin b’nies li ħa jammiraw iż-żwieġ tagħna; ser nikkumplimentaw lil xulxin f’kollox; ser ikollna t-tfal, ser ikunu b’saħħithom, ser ikunu dejjem kuntenti. Wisq probabbli f’dan il-mument ikolli naċċetta l-fatt li kelli xi aspettazzjonijiet irreali u nippurifika l-motivazzjonijiet konxji jew inkonxji li seta’ kelli.
Bosta drabi jiġri li fil-bidu minn tnejn insiru wieħed, u maż-żmien minn tnejn nerġgħu nsiru wieħed. Huwa f’dan il-mument li jkolli, bi grazzja t’Alla, naffronta r-realtà u nifhem li fil-ħajja reali l-ħajja titlob ukoll bdil fil-mentalità tiegħi u ma nafdax fil-ħila tiegħi biss.
Nibda naċċetta li l-persuna li qed nagħti ħajti għaliha ma timliex il-vojt kollu tiegħi; li jien ma nistax nissodisfa l-bżonnijiet kollha tagħha; li kultant jiġri wkoll li negħjew ningħataw; li l-persuna l-oħra għadha qed tikber u bħali għadha ma waslitx għall-maturità kollha tagħha; li l-persuna l-oħra għandha tesprimi ruħha anke jekk dak li tgħid mhux dejjem ser ikun sabiħ li nisimgħu. Bħal kull vokazzjoni oħra, iż-żwieġ huwa għotja u mhux dejjem faċli li tingħata, anzi jkun hemm drabi nkun nixtieq biss li xi ħadd jingħata għalija.
Huwa proprju hawn li jidħol il-Mulej li, bil-kelma tiegħu, bl-għerf tiegħu tas-salib u fil-qadi tal-ħasil tar-riġlejn iwassalni nifhem li l-imħabba vera hija bħall-mewt u li bosta drabi nkun mistieden immut għalija nnifsi.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.