It-4 Ħadd tar-Randan (Ġw 9, 1-41)
Naħseb li ġietu t-tentazzjoni jgħid: ‘Aħjar bqajt kif kont.’ Għax qabdu miegħu bil-kbir. Keċċewh mis-sinagoga u tertqulu qalbu bil-mistoqsijiet. Tgħid għaliex? Għax propju huma ma kinux qed jaraw.
Alla qed jagħmel għeġubijiet f’nofshom u huma ma jindunawx. Ma jaċċettawx li Alla jista’ jagħmel l-għeġubijiet għax ġa ffissawlu l-parametri ta’ fejn u kif għandu jaħdem.
Jafu ħafna iktar minn Alla, mingħalihom! Id-dixxipli jsaqsu min dineb. F’xi ħadd trid twaħħal! Il-Fariżej jgħidu lil Ġesù li ma kienx permess ifejjaq għax kien is-Sibt. Ġesù jaf li bosta drabi l-fissazzjoni fil-liġijiet u l-ossessjoni biex infittxu u nsibu ta’ min hu t-tort iċaħħduna milli naraw il-ħtiġijiet veri tal-bnedmin ħutna.
Fil-bidu tal-Vanġelu, San Ġwann jgħidilna li kien Ġesù li lemaħ lill-agħma minn twelidu. Kemm hu sabiħ dak il-mument li jilmħek, u hu jagħmel minn kollox biex int bil-mod tibda tilmaħ lilu. Il-grazzja tibda dejjem minnu, u tkompli magħna. Ġesù għamel il-parti tiegħu, u l-agħma min- naħa tiegħu għamel dak li seta’: mar jinħasel u ġie jara.
Ir-raġel minn twelidu ma kienx jara, imma qalbu kienet miftuħa. Mill-ewwel mar u għamel dak li qallu Ġesù. Ma qagħadx jirraġuna wisq. Il-Fariżej spiċċaw ma jarawx l-opra daqshekk sabiħa ta’ Alla, għax irraġunaw wisq. Tilfu l-gost kollu u pruvaw itellfuh lil dan li ġie jara, biex ma nsemmux li pruvaw itellfuh lill-ġenituri tiegħu u lil Ġesù nnifsu. X’ħasra! L-għeluq xi jġib!
Tant hu qalbu miftuħa dan ir-raġel li ġie jara li ma jiddejjaqx bil-mod il-mod jagħmel proċess biex ikompli jiċċara l-viżjoni tiegħu ta’ min hu Alla. Jibda billi jgħid: ‘Wieħed raġel jgħidulu Ġesù.’ Jimxi pass ieħor u jgħid: ‘Dak Profeta.’ Ikompli billi jistqarr li dan il-bniedem ġej minn Alla. Fl-aħħar jistqarr: ‘Nemmen, Mulej.’ L-istess ġralha l-mara li rriflettejna fuqha l-ġimgħa l-oħra: is-Samaritana. Għaliha Ġesù ma jibqax biss profeta, imma jsir Messija.
Dan huwa l-proċess li aħna mistiedna nagħmlu f’dan l-Għid. Ejjew inkomplu niskopru min hu Alla. Mhux biżżejjed nargumentaw fuq min hu. Ejjew nindunaw li Alla jħares lejna bi ħlewwa. Diġà lemaħna. Dak hu li ser nagħmlu dakinhar ta’ Sibt il-Għid. Ser inkomplu niskopru min hu dan id-dawl u xi jrid jagħmel magħna u għalina. Fil-bidu tal-velja, is-Sibt filgħaxija, ser nagħmlu ċ-ċelebrazzjoni tad-dawl. Ser nistqarru li l-Mulej, bil-blandun mixgħul huwa l-bidu u t-tmiem, l-Alfa u l-Omega. Tiegħu ż-żmien u l-eternità. Ser inkantaw li Kristu huwa d-dawl.
Kemm qed inħallih idawwalli ħajti? Kemm qed inħallih ibiddel id-dlam tiegħi f’dawl. Illum, dan l-Għid huwa l-okkażjoni li nħalli lill-Mulej jerġa’ jgħaddi f’ħajti. Ma naqtax qalbi jekk bħalissa nħossni ma narax. Hu jara. Lili lemaħni. Irid ibiddilni. L-Għid għoddu magħna. Ejjew ġa minn issa nħossu dak illi Alla jrid jagħmel magħna. Il-ġebla ta’ fuq il-qabar ser tittajjar minn fuq qalbna wkoll. “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuq Kristu!” (Ef 8, 14)
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv