It-33 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 13, 24-32)
Fil-ħajja tagħna hemm realtajiet li lilna jagħtuna ċertu sens ta’ sigurtà. Biżżejjed inħarsu lejn ix-xemx; qatt ma jgħaddilna minn moħħna li jista’ jiġi mument li din tiddallam, jew li l-qamar jitlef id-dija tiegħu, jew inkella li jaqgħu l-kwiekeb mis-sema. Dawn għalina huma affarijiet stabbli. U ngħiduha kif inhi, allaħares ngħaddu ħajjitna nħarsu lejn ix-xemx biex naraw meta ser tiddallam, jew inkella ma noħorġux barra għax nibżgħu li taqa’ xi kewkba fuqna.
Xi snin ilu smajna li xi darba parti mill-Etna tista’ tinżel il-baħar u, għalkemm din mhix xi ħaġa taċ-ċajt, xorta waħda kulħadd l-għada ħareġ għax-xogħol. Fatt ikrah bħal dan li hemm possibbiltà li jiġri ma waqqaf lil ħadd mill-ħajja normali tiegħu.
Il-pożittiv minn dan kollu huwa l-għarfien ta’ dik il-verità eterna, li dak kollu li huwa tal-bniedem jew tan-natura, mhux etern. Nistgħu naħsbu li hu, imma mhux! Allura, f’dimensjonijiet iktar modesti kemm iktar mhumiex eterni dawk l-affarijiet żgħar li ħafna drabi neħlu magħhom aħna, li nitqatlu għalihom, li nibnu ħajjitna fuqhom u li tant jiddispjaċina meta nitilfuhom.
Nistgħu nsemmu listi twal ta’ affarijiet li nistgħu naħsbuhom eterni imma fil-fatt mhumiex: il-flus, is-suċċess, il-fama, il-poter, is-saħħa tagħna u min jaf kemm affarijiet oħra li aħna qatt ma jgħaddilna minn moħħna li jistgħu jiġġarrfu.
Ġesù, f’dak li qed jgħid illum, jidher ispirat mill-Ktieb ta’ Isaija meta jitkellem dwar il-qerda ta’ Babilonja meta jgħid: “Mis-smewwiet kif iġġarraft, int il-kewkba ta’ filgħodu, bin iż-żerniq! Kif stabatt mal-art, int li l-ġnus kont tfarrak! U int kont tgħid f’qalbek: Nitla’ sas-smewwiet, ’il fuq mill-kwiekeb ta’ Alla. It-tron tiegħi ngħolli u ngħammar fuq il-muntanja ta’ laqgħat l-allat, fi truf it-Tramuntana. Nitla’ sa fuq qċaċet is-sħab, insir nixbah lil Alla l-Għoli. Imma issa, arak, imġarraf f’art l-imwiet, f’qiegħ l-għammieq” (Is 14, 12-15).
Allura, Ġesù bħal donnu qed jgħidilna: “Fuq xiex qed tibni ħajtek?” “X’inhuma dawk l-affarijiet li għalik huma tant stabbli li ma timmaġinax li xi darba jistgħu jiġġarrfu huma wkoll?” “Hemm xi nies li tellajthom is-sema u kważi kważi poġġejthom flok Alla?” “Taf li anke huma jistgħu jiddeluduk?” “Wara xiex qed tiġri biex ikollok sens ta’ sigurtà f’ħajtek?” Forsi nibżgħu nisimgħuha, anke jien fil-fatt niddejjaq naħseb fuqha imma: “Konxju li saħħtek ukoll xi darba ser tħallik ukoll?”
Forsi tista’ tgħidli: “Ommi, x’teqred Father dalgħodu.” Ejja nħarsu lejha minn lenti oħra mela. Ġesù jgħid: “Imbagħad jaraw lil Bin il-Bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja” (Mk 13, 26). U “Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb” (Mk 13, 29).
F’kelma waħda, din il-Kelma mhix tal-biża’, imma ġġorr fiha tama kbira. Il-Mulej qed jgħidilna, li meta jiġġarrfu l-idoli, meta jaqgħu dawk l-affarijiet li int kont taħseb li mhu ser jinstabtu qatt, proprju f’dak il-mument jibda l-ħelsien tiegħek. Jekk xejn, il-ħelsien mill-idoli, li jagħmlu minn kollox biex jiġbduk lejhom imma qatt ma jistgħu jagħtuk dak kollu li jwegħduk. Huma jafu b’dan, int normalment le.
Hawn hi t-tama! Li meta mmiss il-qiegħ fid-delużjoni għax waqgħu dawk l-affarijiet u persuni li kont nemmen li huma l-blata tas-salvazzjoni tiegħi; dawk l-affarijiet u nies li bnejt ħajti fuqhom; li weħilt magħhom, jidher ġej Hu, b’qawwa kbira u bi glorja.
U x’jiġi jagħmel Hu? Jiġi jqiegħed il-prijoritajiet f’posthom. In-nies ma tibqax tidealizzahom, ma tibnix ħajtek fuqhom imma tħobbhom anke jekk jiddeluduk. Il-fraġilità tagħhom tibda tagħmel parti mill-equation ta’ min huma, x’jistgħu joffru u x’qed tippretendi mingħandhom. Tinħeles mill-kilba żejda għall-ġid tal-art u mill-gidba faħxija li int ser tibqa’ hawn għal dejjem u li forsi hemm ċans tieħu kollox, jew almenu xi ħaġa miegħek. Jekk bnejt ħajtek fuq is-suċċess u l-prestiġju, il-fama u l-approvazzjoni tibda tirrealizza li int m’intix Alla, u normalment in-nies illum iċapċpu lilek, għada se jċapċpu lil ta’ warajk. Jekk bnejt ħajtek fuq saħħtek, tasal tinduna li xi darba din ser tonqsok ukoll u anke f’dak il-mument int imsejjaħ tgħix. Tinħeles mill-gidba li fil-ħajja kollox jista’ jmur sew u kollox irid ikun perfett, u min jaf forsi tieqaf tgerger ukoll!
Għiduli din hux libertà! Forsi għandu raġun il-Malti meta jgħid: “Tagħmel lil ħadd (u lil xejn) Alla.” Għax Alla huwa wieħed, u kull persuna jew ħaġa li int tagħmel ‘alla’, skont il-loġika hija ‘alla falz’.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.