Il-31 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 12, 28b-34)
Darba wieħed qalli li għeja jaħdem man-nies u l-gost li kellu fil-bidu u l-entużjażmu li jaħdem u jaqdi lin-nies issa donnu spiċċa fix-xejn. Qalli: “Dan l-aħħar kelli ġurnata fejn kull min ġie l-uffiċċju ġie bi lment u s-sabiħa kienet li donni jien kont il-kawża tal-problemi tagħhom. Min għax hekk u min għax hekk.” Saħansitra qalli: “U taf xiex l-aħħar wieħed li ġie saħansitra heddidni li ser itellagħni l-qorti.” Tħassartu u fhimtu.
Illum fil-Vanġelu niltaqgħu ma’ kittieb li ma ġiex għand Ġesù b’xi fini li jonsbu, jew xi wieħed minn dawk li wara li Ġesù jirrispondih għal xi ħaġa jmur jiftiehem biex joqtlu.
Nafu li Ġesù fl-aħħar mill-aħħar spiċċa tela’ l-qorti, tilef il-kawża u kkundannawh għall-mewt. Fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa l-qorti għax kien ħaġa waħda ma’ missieru, dak li fil-Vanġelu tal-lum jgħidilna li għandna nħobbuh fuq kollox. L-imħabba li Ġesù kellu lejn missieru f’għajnejhom kienet li jagħmel lilu nnifsu daqs Alla.
Id-domanda tal-qassis il-kbir kienet ċara lil Ġesù fil-proċess tiegħu: “Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla” (Mt 26, 63). It-tweġiba ta’ Ġesù kienet ħafna iktar ċara mill-mistoqsija. “Inti stess qiegħed tgħidu” (Mt 26, 64). Il-qassis il-kbir jispiċċa jikkonkludi li ma kienx hemm bżonn ta’ xhieda iktar, għax kulħadd kien sema’ d-dagħwa u allura Ġesù kien ħaqqu l-mewt. Ovvjament din kienet ħaġa tassew ġdida – jekk fl-Antik Testment insibu li ħadd ma jista’ jara lil Alla u jgħix issa nsibu bil-kontra.
Lil Ġesù tellgħuh il-qorti għax ma fehmuhx. Iva Ġesù huwa daqs Alla. Hekk kien u hekk hu. Ġesù mhux biss hu daqs Alla fin-natura tiegħu imma fl-imħabba.
U aħna? Aħna kemm-il darba tellajna lil Alla l-qorti? Kemm-il darba ppruvajna nagħmlu ħaqq minnu? Anke l-istess dagħa, li huwa sfortunatament wieħed mill-karatteristiċi li jirrappreżentana, jipprova jagħmel ħaqq minn dak li hu Ġust. Aħna kemm-il darba ppruvajna ntellgħu ’l Alla l-qorti għax waħħalna fih tal-inkwiet li ġralna? Jekk hu ma ridux, imma ppermettieh, allura tort tiegħu! Kemm-il darba użajna lil Alla biex insibu lil xi ħadd f’min inwaħħlu ta’ dak li ġralna?
Madanakollu jekk kien hemm xi ħadd li kellu jtella’ l-qorti lil Alla kien Ġesù nnifsu. Ġesù seta’ tella’ ’l Alla l-qorti għax bagħtu f’dinja li ma tatux merħba. Seta’ tellgħu l-qorti għax ħadu fid-deżert, għax wara lejl jitlob biex jagħżel l-Appostli, araw ir-riżultat, għax ħallieh waħdu meta l-iktar kellu bżonn, għax ħallieh jissallab ma’ salib. Kemm-il darba għedna imma x’għamilt ħażin biex jien ġrali hekk? Alla nsieni!
Madanakollu Ġesù jgħid: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 30).
Aħna fejn nidħlu f’dan kollu? Alla huwa esperjenza sabiħa! Il-Missier huwa esperjenza li rridu nidħlu fiha. Ġesù jaqra l-esperjenza ta’ ħajtu mill-imħabba li l-Missier kellu lejh.
Kieku aħna nidħlu wkoll f’din l-esperjenza? Kieku nifhmu li Alla huwa dak li jimxi magħna? Kieku, nidħlu f’mentalità fejn dak kollu li ma nifhmux mhuwiex tort ta’ Alla. Li twaħħal f’xi ħadd għal xi ħaġa li ma tifhimx, hija tbatija doppja, għax minbarra t-tbatija tal-esperjenza, tiżvoga billi toħloq għadu, mhux għax hu jsir għadu tiegħek, imma għax int tibda tħares lejh bħala xi ħadd li għandu xi ħaġa kontra tiegħek.
Imma mhux hekk!
Ġesù ma jwaħħalx fil-Missier għall-affarijiet koroh li jiġrulu. Ġesù jintelaq għax jaf li Alla mhuwa qatt l-oriġini tal-ħażen. U hekk aħna wkoll, jekk nieqfu nfittxu biss il-ħajja kif irriduha aħna, nibqgħu żguri li nkunu fil-paċi, għax Alla tagħna huwa Alla tal-paċi.
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.