EUSF_MaterialMan

Mingħajr Isem

It-28 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 10, 17-30)

Hekk kif naqraw il-Vanġelu nindunaw li m’għandniex l-isem ta’ dan ir-raġel għani. B’mod ġeneriku ħafna l-Vanġelu jgħidilna ‘raġel’. Il-Vanġelu ma jgħidilniex x’jismu imma jgħidilna x’kellu: “bosta ġid”. U proprju fil-għana hemm dan ir-riskju kbir. L-għani spiss jaħseb li ismu, li l-identità tiegħu, tiddependi biss minn dak li għandu, minn dak illi jagħmel, minn dak illi l-oħrajn jaħsbu fuqu. Kellu wkoll, miskin, ħafna prożunzjoni ta’ kemm kien raġel sewwa. Meta Ġesù jkellmu dwar l-osservanza tal-liġi dan minnufih iwieġbu: “Mgħallem jien dan kollu ilni nħarsu sa minn żgħożiti.” 

Min ipoġġi l-fiduċja tiegħu biss fil-ġid tal-art jibda jaħseb li ismu huwa l-isem tad-ditta tal-ħwejjeġ li jilbes. Jibda jemmen li dak li jtih isem hija l-karozza lussuża li għandu. Miskin jibda jemmen ukoll li ismu jiddependi minn kemm bena affarijiet li jġibu ismu, minn kemm ismu jidher fuq credit cards. Sfortunatament hemm ir-riskju wkoll li jaħseb li għandu isem daqskemm hu popolari. 

L-għani huwa dak li jinsa li Huwa fatt li mitt sena oħra ma jkunx għadu hawn. Huwa fatt li l-ħajja hija fraġli u tgħaddi malajr. Il-Bibbja tgħid li “l-ħajja tal-bniedem hija b’kollox sebgħin sena, tmenin jekk inkunu f’saħħitna u l-biċċa l-kbira taħbit u niket. Malajr tgħaddi u aħna mmorru magħha” (Sl 90, 10). Spiss allura, konxji ta’ din il-prekarjetà, nibdew nagħmlu affarijiet li b’xi mod inessuna li aħna fuq din l-art m’aħniex għal dejjem. Nippruvaw nagħmlu xi ħaġa biex nagħtu lilna nfusna l-impressjoni li aħna ser nibqgħu hawn. Allura arana nippruvaw noħolqu “mini-ġenna”. Forsi s’hawn m’hemmx xi inkwiet tal-għaġeb, imma l-inkwiet jibda meta dik il-“mini-ġenna” nipprova noħloqha għalija biss. Allura arani nrekken, infaddal, biex qabel norqod filgħaxija jkolli rasi mistrieħa.

Imma filgħaxija rasi ma tistrieħx fuq l-imħadda għax naf li għandi ħafna flus il-bank, imma għax naf li ta’ ħdejja għandu x’jiekol.

Rasi ma tistrieħx għax lill-mara, sforz ir-regħba tiegħi, ma nagħtihiex lanqas 5 euro, imma għax naf li kuntenta li qed naqsmu kollox flimkien.

Rasi qabel norqod ma tkunx mistrieħa għax irnexxieli nġelled familja bir-regħba tiegħi fuq il-wirt li ħallew ommi u missieri imma għax lili ħa jibqgħu jiftakruni bi bniedem ġeneruż u tal-paċi.

U kif tista’ tistrieħ rasi qabel norqod meta naf li minħabba r-regħba tiegħi hawn nies li mhux qed jitħallsu kemm jistħoqqilhom? Kif nista’ norqod mistrieħ meta nbigħ prodotti li jagħmlu l-ħsara, huma x’inhuma?

Għal dan kollu tista’ twassal ir-regħba. Għiduli intom kemm hawn nies li għax alla tagħhom il-flus sallbu lil ħafna oħrajn? Kemm għandna vittmi tal-ġlied minħabba l-wirt, vittmi tad-droga u tal-użura?

Kemm minħabba r-regħba jispiċċa jbati wkoll “il-ġmiel li hawn madwarna”, għax jispiċċa jbati l-ħolqien sabiħ li Alla tagħna biex nieħdu ħsieb?

Ġesù llum huwa ċar tant li forsi jaħsadna imma ma nistgħux ma nammettux li ħafna drabi norbtu qalbna wisq mal-affarijiet li jgħaddu. Ħafna drabi t-talb tagħna huwa wisq ikkonċentrat fuq il-“Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” u ninsew li aħna nistgħu nkunu responsabbli ta’ ħafna inkwiet minħabba l-flus.

Il-Mulej iridna nies ħielsa li ma nsiru skjavi ta’ xejn. Meta l-flus iservuni (jaqduni) m’hemmx problemi kbar imma meta jien nibda nsir skjav tagħhom hemm iva, hemm għandi għax ninkwieta. Trid tkun taf x’inhi l-kura? Agħti, qassam, tikolx waħdek.

Jalla lkoll kemm aħna nagħmlu esperjenza ta’ dak li huwa l-ħelsien, il-ħelsien vera, dak li jista’ jagħtina Alla biss!

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.