Il-25 Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 9, 30-37)
Darba kont qed nagħmel talk lil xi tfal tal-primarja. Dakinhar xtaqt inkellem lit-tfal dwar il-bżonn li nfaħħru lil xulxin għat-tajjeb li kapaċi nagħmlu, f’kelma waħda li nkunu nies li kapaċi napprezzaw it-tajjeb tal-oħrajn. Dakinhar iddeċidejt li nibda b’domanda: “Tfal kif tħossukom meta tagħmlu xi ħaġa tajba u ħadd ma jgħidilkom prosit jew bravi?” Skiet… xi ħadd jgħolli idu. “Tajjeb ħafna Fr!” Dak il-ħin iċċassajt, bejn għax waqqagħli l-punt li fuqu kelli nibni t-talk u bejn għax il-Mulej forsi ried jurini verament xi tfisser ċkunija. U proprju llum Ġesù qed jispiċċa l-Aħbar Sabiħa tiegħu (il-Vanġelu) bi frażi li għal ħafna minna, għodduni magħkom, hi diffiċli li titwettaq fil-prattika: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn, għamilna dak li kellna nagħmlu” (Lq 17, 10)! Normalment il-prosit jimlielna xi ftit żaqqna!
Biex wieħed jasal għal dan l-istat irid ikollu dak id-don li ħafna nies kbar fil-Bibbja kellhom… id-don taċ-ċkunija!
Ġesù diversi drabi fil-Vanġelu b’paċenzja kbira jipprova jfiehem lill-Appostli, u magħhom lilna wkoll li fis-Saltna tas-Smewwiet il-kbir huwa ċ-ċkejken. Meta tqum kwistjoni bejniethom dwar min hu l-ikbar, iressaq lejh tifel żgħir u jgħidilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili: u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll dan hu l-kbir” (Lq 9, 48). Ġesù jipprova jgħallimhom li għalih il-kbir hu dak illi jaqdi l-iktar, dak illi jservi.
Dan Ġesù m’għamlux biss bil-kliem. Tiftakru x’għamel fl-aħħar ċena? Ġesù jgħaddi u jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Pietru jieħu skandlu. Ma setax jifhem kif dan il-Messija, kif dan is-Sultan tal-Lhud, jgħaddi u jaħsillu riġlejh maħmuġa. Għalih kien skandlu kbir li l-Imgħallem tiegħu jinżel għarkupptejh quddiemu. B’xi mod Pietru b’dak li qal: “Ma jkun qatt li taħsilli riġlejja” (Ġw 13, 8) ried ifisser: “Kieku kont jien l-Imgħallem u int id-dixxiplu żgur li ma kontx ser ninżel u naħsillek riġlejk.” Imma Ġesù bħal dejjem, ta’ intelliġenti li hu, jgħidilhom: “Tifhmu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u sewwa tgħidu għax hekk jien. Mela jekk jien li jien l-Imgħallem u l-Mulej ħsiltilkom riġlejkom, hekk agħmlu intom ukoll wieħed lill-ieħor” (Ġw 13, 13). Ġesù jrid jurina li quddiemu min hu ċkejken huwa kbir.
Ġesù fl-għajnejn tal-bnedmin huwa iktar bniedem fallut u deludenti. Għal xi wħud, Ġesù huwa dak li jitkellem is-sewwa, għal oħrajn huwa xi ħadd b’qawwa speċjali li jfejjaq, għal oħrajn huwa xi ħadd li jinstiga polemiki mal-awtoritajiet reliġjużi. Huwa deludenti għal min ħaseb li Ġesù jista’ joħloq xi sistema politika li twaqqa’ l-oppressjoni Rumana. In-nies iridu lil xi ħadd prattiku li jbiddel is-sistemi kollha u joħloq sistema perfetta ta’ awtorità. Imma dan mhux il-ħsieb ta’ Ġesù. Il-Mulej huwa ċ-ċkejken ta’ Alla u l-istess il-komunità li waqqaf.
Il-komunità ta’ Ġesù mibnija fuq l-imħabba, u normalment biex twaqqa’ sistema ta’ oppressjoni trid il-vjolenza. Ġesù jwaqqa’ s-sistemi inġusti billi ma jipparteċipax fihom. Ġesù joħloq komunitajiet alternattivi fejn fihom issaltan l-imħabba. Ġesù mhux vjolenti, u allura l-ħsibijiet għolja ta’ rivoluzzjoni mhumiex il-ħsibijiet tiegħu. Ġesù ġie biex jibni s-Saltna, u s-saltna tiegħu ma tinbeniex la permezz ta’ rivoluzzjoni u lanqas permezz tal-mibegħda. Is-saltna tiegħu tinbena fuq il-qadi, l-imħabba tal-aħwa u tal-għedewwa, il-maħfra, it-tieba u l-ħniena. Għalhekk il-komunità tiegħu hija fraġli; ftit irġiel u nisa li jibqgħu fidili għall-kmandament tiegħu tal-imħabba.
Il-komunità ta’ Ġesù hija realtà fraġli ħafna, fl-istess ħin qawwija. Fraġli għal-loġika tad-dinja li tedha fil-poter u taħseb li l-poter jista’ jsalva lil xi ħadd. Kemm ideoloġiji matul l-istorja pproponew ħelsien, imma wara li qerdu lil min kien qed iġib oppressjoni, inbidlu huma stess f’qawwa iktar ħarxa ta’ oppressjoni. Kemm ideoloġiji pproponew bidla fi strutturi ta’ inġustizzja, imbagħad saru huma stess struttura ta’ inġustizzja, agħar minn ta’ qabilhom. L-istorja tal-umanità mimlija b’eżempji bħal dawn.
Il-komunità ta’ Ġesù tiddeċiedi li tibqa’ fraġli, li ma tipparteċipax f’dawn l-istrutturi. Hi wkoll, bosta drabi, tkun ittentata li tikber, li toħloq strutturi u duttrini li ma jintmessux, imma l-qawwa tagħha ma tinsabx fl-istrutturi u anqas f’duttrini bla qalb, imma fil-fraġilità tar-riżorsi tagħha. Il-bidla vera ma ssir qatt permezz ta’ ideoloġiji u lanqas permezz ta’ strutturi ta’ poter. Il-komunità ta’ Ġesù tbiddel mill-qiegħ, minn realtajiet umani profondament fraġli imma li jgħixu bil-fedeltà l-Vanġelu u joħolqu fejn jgħammru biċċa mis-saltna fuq l-art. Il-komunità ta’ Ġesù mhi qatt komunità trijonfali.
“Meta jkun hemm it-trijonfaliżmu, Ġesù mhuwiex hemm. Jew, jekk hemm trijonfaliżmu huwa l-pass li jmiss għall-Ġimgħa l-Kbira. L-uniku trijonfaliżmu veru li joqgħod huwa dak ta’ Ħadd il-Palm. Il-Mulej qiegħed hemm. Dak it-trijonfaliżmu qed jgħidlek: ‘Ħejji ruħek għal dak li ġej…’ M’hemmx soluzzjonijiet maġiċi. Dak huwa l-kriterju tiegħi: it-trijonfaliżmu mhuwa qatt ta’ Ġesù. It-trijonf ta’ Ġesù, dak veru, huwa dejjem fuq is-salib!”
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.