EUSF_BirthOfMary

Ikkalma m’intix Alla

It-Twelid tal-Verġni Marija (Mt 1, 1-16. 18-23)

Qegħdin niċċelebraw it-Twelid tal-Beata Verġni Marija. Din is-Solennità ddaħħalna fil-bidu ta’ dak il-misteru tant sabiħ tal-Inkarnazzjoni (Alla li jsir bniedem u jgħammar fostna); l-inizjattiva sabiħa ta’ Alla li juri Hu min Hu.

Alla li jikteb paġna ġdida fl-istorja tal-umanità.

Jekk fi żminijiet oħra Alla fisser bi frażi hu min: “Jien li Jien” (Eż 3, 14), issa jiddeċiedi li jkollu wiċċ, persuna, emozzjonijiet li jidhru, kelma li tinstema’ u dan kollu fi Kristu Ġesù. Tassew paġna ġdida, Alla li jagħmel lilu nnifsu aċċessibbli. Jekk qabel Alla jagħti l-liġi, issa jagħti l-grazzja. Hekk naqraw fil-bidu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Alla ta l-liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu” (Ġw 1, 17). San Iljun il-Kbir fid-diskors tiegħu fuq il-Beatitudnijiet bħal donnu jagħtina x’nifhmu li bejn l-ewwel Rivelazzjoni u t-tieni waħda, dik li seħħet permezz ta’ Kristu Ġesù, Alla biddel l-istil ta’ kif juri lilu nnifsu:

“Dak li kellem lil Mosè, kellem ukoll lill-Appostli, u fi qlub id-dixxipli l-Verb, b’id ta’ kittieb ħafif, kiteb il-liġi tal-patt il-ġdid; dan ġara mhux kif kien ġara fl-imgħoddi; ma kienx hemm bħal fl-imgħoddi swidija ta’ sħab kullimkien, u anqas beraq u ragħad tal-biża’, u lanqas ordni lill-poplu mwerwer biex ma jersaqx lejn il-muntanja, imma diskors kollu ħlewwa u miftuħ għal dawk kollha li kienu jisimgħu; dan kollu biex bil-ħlewwa tal-grazzja titneħħa l-ebusija tal-liġi, u bl-ispirtu tal-adozzjoni jitwarrab il-biża’ tal-jasar.”

Din hija l-aħbar sabiħa tal-Vanġelu li Alla jidħol fl-istorja nkiss inkiss; ħadd ma kien qed jistennieh, tant li meta ġie biex jitwieled anqas post ma kien hemm għalih fil-lukanda. Alla li jidħol fl-istorja tal-bniedem mhux biex idejqu, imma biex ifejqu. Alla li ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minna imma biex permezz tiegħU nsalvaw. Alla li jgħammar fostna biex jurina sa fejn twassal l-imħabba tiegħu. Alla li juri li hija fin-natura tiegħu li jkun magħna.

Min qatt immaġina li Alla huwa hekk? Min qatt immaġina li Alla, wara li joħloq il-bniedem, joħloq ukoll storja biex isalvah? Min qatt immaġina li Alla huwa ħlewwa, tieba, maħfra? X’seta’ jagħmel il-bniedem biex ikun jistħoqqlu Alla bħal dan? Xejn. Anzi, il-bniedem għamel dak li ma kellux jagħmel, kiser il-patt, għamel id-dnub, għażel il-ħtija flok il-grazzja. Madanakollu, Alla ‘għani fil-ħniena’ jibqa’ jfittex lill-bniedem biex isalvah.

Tindunaw li dan il-pjan huwa kollu inizjattiva ta’ Alla. Huwa hu li sejjaħ l-ewwel, li jiġġustifika, li jigglorifika, kif smajna fit-tieni qari. Alla li ma jserraħx fuq il-ħiliet tal-bniedem imma fuq l-imħabba tiegħu.

U aħna?

Kemm-il darba nserrħu wisq fuq il-ħiliet tagħna? Kemm naħsbu li s-suċċessi u l-fallimenti fix-Xandir tal-Kelma jiddependu minna? Arana nipproġettaw, u xħin inlestu nipproġettaw, nagħtu l-proġett lil Alla biex japprovah, mentri għandu jkun bil-kontra; Alla li jħejji t-triq u aħna nimxu fiha. Kemm nirraġunaw b’mod żbaljat meta naħsbu li r-riżultati huma frott ta’ kemm naħdmu! Allura arana nirraġunaw “Ejja naħdmu sabiex…” Possibbli li ma jirnexxilniex nagħmlu konverżjoni fil-mod tal-ħsieb? Possibbli li kollox jiddependi fuq il-ħidma tagħna? Possibbli li għadna naħsbu li Alla fil-ħidma tagħna ma jbillx ftit subgħajh?

Meta naħsbu li kollox jiddependi minn ħidmietna faċli li nsiru skjavi tar-riżultati. Jekk ikollna riżultati pożittivi nħossuna tajjeb, jekk le nħossuna falluti. U Alla fiex jidħol f’dan kollu? Is-salmista stess jgħidilna, f’Salm 127:

“Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, 

għalxejn jitħabtu l-bennejja. 

Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, 

għalxejn jishar l-għassies.

Ma jiswielkom xejn li tbakkru, 

jew li ddumu ma tistrieħu 

u li tieklu ħobż it-tbatija; 

għax sa fl-irqad hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu” (Salm 127, 1-2).

Forsi qed tistaqsu: “Allura ma nagħmlu xejn?” Ovvja li mhux il-każ, imma almenu nieqfu naħsbu li kollox jiddependi minna! Marija lil Alla ħallietu jmexxi Hu, u ffirmat il-proġett tiegħU bil-kliem: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1, 38). Tidħol għalina hi, biex fina jiġri l-istess.

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.