EUSF_Tired

Għalliem għajjien

Is-16-il Ħadd ta’ matul is-Sena (Mk 6, 30-34)

Naħseb li llkoll kemm aħna, bosta drabi nsibuna għajjiena. L-għeja ma tiġix biss mix-xogħol, imma hemm ukoll l-għeja li tħoss meta ħajtek tkun mogħtija lil xi ħadd. Tegħja tieħu ħsieb ’l uliedek jew il-ġenituri anzjani tiegħek. Tegħja tieħu ħsieb żewġek jew martek, l-iktar jekk intom it-tnejn anzjani u inti għandek farka iktar saħħa minnu jew minnha. Tegħja wkoll taqdi fil-knisja għax anke l-ministeru fih it-tħabbil il-moħħ u l-għeja tiegħu.

F’dan ir-rakkont li qrajna kemm Ġesù kif ukoll l-Appostli huma għajjiena. Il-Vanġelu jgħidilna li “Kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom” (Mk 6, 31). Għalhekk Ġesù jipproponi li jmorru f’post imwarrab sabiex jistrieħu ftit. Mal-għeja tal-missjoni tal-Appostli, irridu nżidu l-għeja ta’ Ġesù, iktar ta’ natura psikoloġika milli fiżika. Ġesù huwa għajjien u mħawwad mentalment, għax fir-rakkont ta’ qabel dan, fil-Vanġelu skont San Mark, insibu li kien għadu kif ġie maqtul Ġwanni l-Battista, il-qarib ta’ Ġesù. 

Id-dixxipli jmorru ma’ Ġesù lejn post imwarrab imma l-break tagħhom ma tantx idum għax in-nies jarawhom sejrin u jaslu qabilhom ix-xatt l-ieħor. Ġesù jinżel minn fuq id-dgħajsa u jitħassarhom u jibda jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. Nafu li wara li jgħallimhom jagħtihom x’jieklu wkoll. Ir-raġuni għaliex tħassarhom kienet “Kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj” (Mk 6, 34). 

Tassew li ma kellhomx ragħaj! Min kellu jieħu ħsiebhom kien fil-palazz, jiekol u jiffanga u jogħxa bl-ispettaklu li setgħet toffrilu t-tifla ta’ mart ħuh. U daqslikieku dan ma kienx biżżejjed jaqta’ ras ir-ragħaj, li fih il-poplu kellu fiduċja – l-Għammied. 

Ġesù huwa l-oppost ta’ Erodi u jieħu post Ġwanni. Huwa r-ragħaj li jgħallem u jitma’. Innutaw li darbtejn f’dan il-Vanġelu jissemma t-tagħlim. Meta jiġu l-Appostli lura mill-missjoni huma jirrakkuntaw kulma kienu għamlu u għallmu. Xħin Ġesù jinżel mid-dgħajsa jibda jgħallem. Hemm bżonn li r-ragħaj jgħallem lill-Appostli u lin-nies x’inhuma l-kwalitajiet ta’ ragħaj. Ir-ragħaj huwa dak li, minkejja li għandu bżonn jistrieħ, jagħżel li jservi. Hemm f’Ġesù l-ħtieġa li bil-kelma u bl-eżempju joħroġ fid-dieher x’inhuma l-kwalitajiet ta’ ragħaj veru. 

Dan it-tagħlim ma jistax joħroġ mill-palazz tas-Sultan, għax Erodi seta’ jgħallem biss kif tneħħi l-ħajja tal-profeta biex int tibqa’ tiekol u tixxala. It-tagħlim ta’ Ġesù jsir f’post imwarrab, fuq “il-ħaxix aħdar”. Ġesù jsir ir-ragħaj is-sabiħ li, kif jgħid Salm 23, “f’mergħat kollha ħdura jqegħedni, ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ jeħodni; hemm hu jrejjaqni” (2). 

Ġesù ma jagħmilx parti mill-poter; il-poter neħħa l-ħajja tal-profeta u tefa’ n-nies f’sitwazzjoni miżera. Ġesù mhux fil-palazz. Ġesù lanqas hu fil-belt, imma joħroġ minnha, jaqsam il-baħar u jsib lin-nies mitlufa. Fi kliem Papa Franġisku, Ġesù jmur fil-periferija u jagħmel mit-tenerezza (kif jgħid l-istess Papa) ir-riga tal-aġir tiegħu. Illum, għada, bħall-bieraħ u għal dejjem, is-sejħa tal-Knisja u ta’ kull ragħaj tibqa’, li toħroġ mill-kumdità u taqdi. L-uniku poter li għandha l-Knisja jrid ikun dak tas-servizz, ħaġa, li fil-maġġoranza tad-drabi hija għamlet f’dawn l-elfejn sena, imma dejjem ittentata li tfittex u ssib rifuġju fil-kenn tal-kumdità. Ġlieda dejjiema u toħroġ ta’ nies kull darba li tagħżel l-alternattiva għall-poter. 

Ġesù huwa edukatur u l-edukatur qatt ma jserraħ rasu biss li l-istudenti tiegħu għandhom x’jieklu imma jserraħ rasu meta jara li għandhom sens għal xiex jgħixu. Jista’ jkun li tmut bil-ġuħ għax m’għandekx ħobż, imma jista’ jkun ukoll li tmut għax m’għandekx sens għal xiex tgħix. Jista’ jiġri li, jekk ħadd ma jiggwidak issib sens fil-ħajja, tibda tfittex is-sens f’affarijiet li flok jgħinuk tikber u tisbieħ, jisirqulek il-libertà u flok il-ħajja jippreparawlek it-triq għall-mewt u iva tmut b’żaqqek mimlija, imma tkun għext bla skop. 

Forsi, kull vizzju li jeżisti mhux ikel ikkontaminat li jipprova jissodisfa l-ġuħ li jkollna għal ftit sens fil-ħajja? Darba smajt li fi żmien ir-Rumani, l-Imperatur kien jieħu ħsieb jagħti ħobża kuljum lil kull ċittadin Ruman mhux biss biex jimlielu żaqqu, imma biex jagħlaqlu ħalqu. Ma’ dan kien iżid logħob b’xejn u spettakli għal kulħadd. Hekk iċ-ċittadini Rumani, b’żaqqhom mimlija u kuntenti bl-ispettakli, qatt ma kien ser jgħaddilhom minn moħħhom li jagħmlu xi rewwixta kontra l-Imperatur.

Ġesù mhux hekk! Ġesù jgħallem, anke jekk jaf li dak it-tagħlim jista’ jdur kontrih. Fil-proċess ta’ Ġesù, l-akkużi li nġiebu kontrih kienu tagħlimu stess.

Imma dan m’għandux jaqtgħalna qalbna. Il-vokazzjoni tal-profeta, hija dan ukoll. Il-profeta spiss jiġi akkużat bil-verità li jkun xandar. Il-profeta jaf li tagħlimu u kliemu faċli jduru kontrih, madanakollu ma jibżax u jibqa’ jxandar. Jalla aħna wkoll, xandara tal-Vanġelu, nibqgħu nemmnu “li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem” (Mt 4, 4).

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.