EUSF_PeopleWalking

Mixja tajba

It-3 Ħadd ta’ matul is-sena (Mk 1, 14-20)

Anke din il-ġimgħa, il-Vanġelu donnu jħallina b’ċerti mistoqsijiet mhux imwieġba. L-istess bħall-Ħadd li għadda hemm ħeffa esaġerata kif dawn id-dixxipli (li għalissa għadhom mhux Appostli) iħallu kollox u jmorru wara l-Mulej. 

Is-silta tal-Vanġelu ma tagħtiniex stampa ċara tal-emozzjonijiet li ħassew dawn id-dixxipli u lanqas l-emozzjoni li ħass missier Ġakbu u Ġwanni xħin rahom sejrin. Nimmaġina li ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li kellu tentazzjoni li lil Ġesù jibagħtu jixxejjer. 

Is-silta ma tweġibx lanqas mistoqsijiet dwar il-għala Ġesù jsejjaħ lil dawn u mhux lil oħrajn; għaliex isejjaħ sajjieda, għaliex aċċettaw mill-ewwel.

Madanakollu ejja niffukaw fuq dak li l-Vanġelu jgħidilna, iktar milli fuq dak li l-Vanġelu jħalli barra. Il-Vanġelu, f’silta daqshekk qasira, isemmi ruxxmata ismijiet (Ġwanni l-Battista, Ġesù, Pietru, Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Żebedew). Minbarra l-ismijiet il-Vanġelu jsemmi wkoll kif dawn kienu jiġu minn xulxin – relazzjonijiet familjari. Għandna relazzjoni ta’ aħwa u relazzjoni ta’ bejn missier u iben. Tajjeb insemmu wkoll li l-Vanġelu jiffoka fuq l-azzjonijiet ta’ Ġesù li huma prattikament tlieta: Jimxi, Jilmaħ u Jsejjaħ. 

Bil-mod il-mod fil-Vanġelu, nibdew niskopru min huma dawn in-nies li Ġesù sejjaħ u forsi d-domanda tkun: “Imma lil dawn sejjaħ?” Forsi tassew weġbuh mill-ewwel imma ma tantx urew li kienu preparati. Fl-Antik Testment kull meta Alla sejjaħ lil xi ħadd għal xi ħaġa speċjali, kulħadd ġie b’xi skuża; u min għax ma jaf jitkellem (Ġeremija) u min għax ilaqlaq (Mosè) u min għax xufftejh imniġġsa (Isaija). Żakkarija ma jemminx u Marija tistaqsi kif! Dawn, Alla jbierek xejn! Qabdu u ħallew kollox u marru warajh. 

Imma rridu nżommu f’moħħna ħaġa! Ġesù x’kien qed jagħmel meta sejħilhom? Il-Vanġelu jgħidilna: “Kien għaddej”, imbagħad jerġa’ jgħidilna: “Mexa ftit ieħor”. Ġesù kien miexi u lil dawn l-ewwel erba’ dixxipli jsejħilhom biex “jimxu”. Ma jgħidilhomx biex jiġru, u lanqas biex jinbidlu. Isejħilhom biss biex jimxu. 

Aħna ħafna drabi jiġrilna li naħsbu li jekk xi ħadd ġie msejjaħ għal xi ħaġa mela dik il-persuna hija diġà lesta għal kollox. Bħal meta jiġri li xi ħadd ikun imsejjaħ jibda l-ħajja reliġjuża, mela f’moħħna dak ġa huwa patri. Imma Ġesù ma jsejjaħlekx biex tkun lest. Ġesù jsejjaħlek tibda miexi! Li tterraq l-ewwel pass. 

Ġesù huwa ċar ukoll fuq il-fatt li int imsejjaħ timxi warajh, li tterraq it-triq tiegħu; mhux it-triq tiegħek. Fil-ħajja, f’kull tip ta’ ħajja, f’kull vokazzjoni, jekk naħsbu li aħna għandna xi triq li pjanajnieha aħna u ser nixmu dik it-triq eżattament kif ħsibnieha aħna, jarralna bil-kbir. Inti t-triq tista’ tippjanaha, imma biss fil-ħolm u fl-immaġinazzjoni. Li tipprepara t-triq huwa tajjeb; ftit tal-ħsieb irid ikun hemm; imma ma’ xiex ser tiltaqa’ fit-triq mhux f’idejk. Allura l-iktar l-iktar tista’ tipprepara għall-eventwalità ta’ dak li tista’ tiltaqa’ miegħu fit-triq. Li jserrħilna moħħna huwa li mexjin warajh, li kien hu li sejħilna, li darba fuq xatt il-baħar tal-Galilija xi ħadd sejħilna biex nagħmlu l-ewwel pass. 

Imbagħad wara l-ewwel pass x’jiġri? It-tieni, it-tielet u tibda l-mixja! Tibda l-mixja li nkunu dixxipli ta’ Ġesù. Allura l-vokazzjoni tagħna hija waħda ċara ħafna – li nkunu dixxipli. Hawn tibda r-relazzjoni ġdida f’ħajjitna. Mhux relazzjoni ta’ aħwa (Indrì u Pietru), u lanqas relazzjoni ta’ missier u iben umani (Żebedew, Ġakbu u Ġwanni), imma relazzjoni ta’ Mgħallem u Dixxiplu. Hawn nibdew immorru l-iskola ta’ Ġesù u iktar ma nagħmluha miegħu iktar insiru bħalu, insiru nixbhuh. Forsi tgħidu: “Imma dan diskors ta’ tfal.” San Pawl stess jgħidilna: “Fittxu li jkollkom fikom l-istess sentimenti li kienu fi Kristu Ġesù” (Fil 2, 6). U tafu tajjeb li “timxi wara Ġesù” mhix faċli, li titlaq kollox kultant bl-entużjażmu hija iktar faċli, milli li tibqa’ miexi b’fedeltà wara l-Mulej. 

U x’jiġri wara? Issir bħalu! Ġesù meta sejjaħ lil dawn id-dixxipli qalilhom eżatt li huwa ħa jagħmilhom eżatt bħalu. Qalilhom: “Nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin” (Mk 1, 17) u hu x’kien qed jagħmel dak il-ħin? Kien qed jistad lilhom. 

Mela hawn hi l-vokazzjoni tagħna; li aħna nimxu warajh, u nimxu dejjem, ċerti li ma wasalna qatt. Mhux biss nimxu warajh, imma nterrqu t-toroq tad-dinja, f’xatt il-baħar tal-Galilija, u aħna wkoll insejħu oħrajn li jimxu magħna, mhux warajna, imma magħna, wara Ġesù! 

Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu Ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.

Tags: No tags

Comments are closed.