It-2 Ħadd tal-Avvent (Mk 1, 1-8)
Ma nafx tħobbux issuqu. Anke jekk ma ssuqux, ġieli rkibtu ġo karozza. Li ssuq jew tkun passiġġier, mingħajr ma taf, tħalli fik diversi ħsibijiet u emozzjonijiet. Ejja nieħdu din l-immaġni biex naraw kif qed inħossuna bħalissa. Jista’ jkun li fil-karozza li qed issuq tħossok komdu, il-karozza nadifa, ma ttikx problemi. It-toroq li qed issuq fihom huma komdi. L-esperjenza tas-sewqan (jew l-esperjenza tiegħek ta’ passiġġier) hija waħda pjaċevoli. Imma jista’ jkun li fil-karozza qed tisma’ xi ħoss li qed idejqek. Forsi huwa ħoss ġdid, jew inkella ħoss li ilu hemm, imma li ma kontx qed tagħti kasu, imma issa qed isir evidenti. Jista’ jkun il-karozza hija maħmuġa u fik hemm xewqa li ssuq karozza nadifa. Jista’ jkun li t-toroq li qed issuq fihom mhumiex komdi. Jista’ jkun tħossok imwaħħal fit- traffiku. Jista’ jkun li waqt li qed issuq qed tħossok osservat il-ħin kollu. Jista’ jkun li s-sewwieq li miegħu int passiġġier tħoss li ma jafx isuq u jnissel fik sens ta’ insigurtà.
Jekk irridu nkunu sinċieri, ħajjitna ħafna drabi tixbah l-esperjenza tas-sewqan, jew jekk le l-esperjenza tal-vjaġġ. Ħafna drabi, fil-vjaġġ ikollna sentimenti u emozzjonijiet differenti u bosta drabi nsibu li fil-vjaġġ hemm xi ħaġa li mhix togħġobna u li ddejjaqna u li nixtiquha tkun aħjar.
Hekk kienu n-nies fi żmien Ġwanni l-Battista. Kienu nies li fil-vjaġġ tagħhom kien hemm xi ħaġa li kienet iddejjaqhom. Infatti xorbu minnufih il-proposta ta’ Ġwanni l-Battista li jmorru jitgħammdu fix-Xmara Ġordan u jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiet. Għarfu li kellhom bżonn jipparteċipaw fil-proposta ta’ ndiema: “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.” Il-Vanġelu jurina li kulħadd kien għatxan għal din l-istedina: “Kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-Xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.”
Kienu jistqarru dnubiethom. Iġifieri għarfu li kien hemm xi ħaġa li ma kinitx sejra sew. Imma kemm hu faċli tistqarr dnubietek? Fil-ħajja mhux faċli tistqarr li tkun żbaljat għal diversi raġunijiet:
• Jista’ jkun li ma tindunax li tkun fl-iżball;
• Jista’ jkun tibża’ li jekk tistqarr dnubietek ser tkun iġġudikat;
• Jista’ jkun li ma tammettix dnubietek għax inkella ma tkunx tiflaħ għas-sens tal-ħtija li l-istqarrija ta’ dnubiet iġġib magħha.
Meta tasal allura tistqarr dnubietek?
Tasal tistqarr dnubietek:
1. Meta tkun sfurzat tistqarrhom (ngħidu aħna jekk itellgħuk il-qorti, dejjem jekk ikollok kuxjenza) jew inkella meta ma jkun hemm ħadd f’min twaħħal iktar;
2. Meta s-sens ta’ ħtija jkun tant kbir ma tkunx tiflaħ għalih iktar u jkollok trid u ma tridx tistqarr dak li qed iġġorr f’qalbek;
3. Meta tagħraf li hemm ambjent sikur fejn tista’ tistqarr ħtijietek mingħajr il-biża’ li ser tiġi ġġudikat, fejn min qed jisma’ dnubietek mhux ser iżommok magħluq fil-ħtija imma ser jgħinek timxi ’l quddiem.
Hekk ġralhom fi żmien Ġwanni, għarfu li kien hemm post sikur fejn jistgħu jagħmlu dan. Irċevew aħbar sabiħa. (Il-bidu tal-Evanġelju – aħbar tajba – ta’ Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla). Hekk biss setgħu jistqarru dnubiethom għax raw li kien hemm il-possibbiltà li la s-sens ta’ ħtija u lanqas il-ġudizzju tal-oħrajn ma kienu ser ikunu ostakli.
Aħna l-istess, il-possibbiltà li nbiddlu ħajjitna, li ndawru r-rotta taslilna bħala aħbar sabiħa meta xi ħadd jaċċettana kif aħna, bil-ħmieġ tagħna u mhux meta jbeżżgħuna bil-konsegwenzi, jew iwarrbuna għax aħna żbaljajna.
Illum f’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent ejjew nemmnu li għalina hemm tama li ndawru r-rotta, li ninbidlu, li ngħaddu minn fejn ninsabu bħalissa għal dak li verament nixtiequ nkunu.
Ejjew mela nemmnu li Alla jaċċettana kif aħna, bl-iżbalji kollha tagħna, dawk li għamilna u li qed nagħmlu.
Ejjew nifhmu li għal Alla aħna uniċi, bħalma la kien hawn u lanqas ser ikun hawn ħadd.
Li biex Alla jħobbna ma hemm għalfejn nagħmlu xejn. Alla ħabbna, bagħat lil Ibnu għalina. Irridu biss inħalluh iħobbna.
Nagħrfu li Alla għandu għalina pjan meraviljuż. Hu qatt ma jħallina niġġarrbu aktar milli nifilħu.
U dan ikun is-sliem!
Mill-ktieb “Ejjew u Strieħu ftit” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv.