Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien Kollu (Mt 25, 31-46)
Ġieli xi ħadd tagħkom ħjiel ta’ x’ser ikunu d-domandi ta’ xi eżami partikolari l-iskola? Kemm kont nieħu pjaċir meta konna nagħmlu r-reviżjoni ta’ xi suġġett qabel l-eżami u l-għalliem jgħid: ‘Dan is-suġġett studjawh sew.’ Ma kienx ikun qalilna x’ħiereġ fl-eżami imma żgur li kien ikun għenna niffukaw x’hemm bżonn li nistudjaw. Ġesù, illum fil-Vanġelu jagħmel xi ħaġa simili.
Ilna issa bosta ġimgħat nirriflettu fuq kif qed nibnu l-proġett li Alla kellu u ħolom fuq id-dinja. Dan il-proġett jissejjaħ is-Saltna ta’ Alla. Ġesù, permezz tal-parabboli, qalilna li għandna nilqgħu l-istedina tal-Missier għall-festa tat-tieġ u wriena x’għandhom ikunu l-atteġjamenti tagħna waqt li nistennewh ġej: nibqgħu mqajma, nistennewh bl-imsiebaħ mixgħula f’idejna u nħaddmu t-talenti tal-imħabba biex nibnu s-Saltna tiegħu fuq din l-art.
Illum Ġesù ma jitkellimx permezz ta’ parabboli; sinjuri u sidien li jirrappreżentaw lilu, imma jitkellem dwaru nnifsu. Jagħtina ħjiel kif ser tkun il-miġja tiegħu u x’ser jagħmel hekk kif jerġa’ jidher fostna. Jgħidilna li ser jagħmel ġudizzju veru u propju u jgħarrafna anke dwar il-kontenut ta’ dan il-ġudizzju. Interessanti li ma jitkellimx b’mod dirett dwar il-qima li għandna nagħtu lil Alla. Ma jitkellimx dwar sagrifiċċji u liturġiji. Jitkellem biss dwar il-ħajja, is-saħħa u l-ġid tal-aħwa. Bħal donnu jrid jgħid li jekk il-qima li nagħtu lil Alla ma twassalx għall-qima tal-aħwa allura hija qima fiergħa. Jekk is-sagramenti ma jwassluniex li nqisu lil ħutna bħala sagramenti (wirja ta’ Ġesù), allura nkunu ġibniehom riti sterili minflok għejun tal-grazzja. Jekk l-Ewkaristija ma twassalnix li bħal Ġesù nagħti ħajti għall-aħwa, allura nista’ ninsa li hija passaport għall-ġenna. Ġesù hawn ma jitkellimx fuq azzjonijiet ħżiena li wieħed jagħmel, lanqas dwar dgħufijiet purament umani, imma dwar azzjonijiet tajba rigward il-proxxmu li jien kont imsejjaħ nagħmel u m’għamiltx, jew li kont imsejjaħ nagħmel u għamilt.
Tajjeb li nsaqsu aħna fiex aħna dwar il-kontenut ta’ dan il-ġudizzju? Ftit eżami tal-kuxjenza ma jagħmilx ħażin, iktar u iktar jekk fin-nofs hemm is-salvazzjoni tagħna.
Ġesù jitkellem dwar jekk tmajtx il-proxxmu tiegħi li kien bil-ġuħ. Minbarra l-ġuħ fiżiku li huwa l-iktar ovvju, hemm forom oħra ta’ ġuħ. Min hu bil-ġuħ huwa persuna vulnerabbli li m’għandux in-neċessarju biex jgħix. Jien kemm qed nitma’ lil min hu bil-ġuħ? U x’qed nitma’? Fil-ħajja mhux biss li tiekol importanti, imma x’tiekol. U jien x’qed nitma’ lil ħuti: sentimenti ta’ mibegħda, għira, rabja jew ta’ maħfra, sliem u paċi? Lil min hu bil-ġuħ għall-verità qed nitimgħu gideb?
X’qed nisqi lil min hu bil-għatx għall-ġustizzja? Lil min hu bil-għatx għall- ħajja qed niżra’ madwaru kultura ta’ mewt? Lil min hu bil-għatx għall-ħajja, imma għadu tant ċkejken biex jiddefendiha, qed niddefendiha jien għalih jew nemmen li għax ċkejken m’għandux dritt jissodisfa l-għatx għall-ħajja?
Kif nimxi ma’ min hu barrani? Kif inġib ruħi ma’ min mhux fiċ-ċirku tiegħi? L-ieħor, dak li ma jaqbilx miegħi, huwa għalija wiċċ ix-xitan, jew il-wiċċ ta’ Ġesà li għad irrid niskopri? Kapaċi nilqa’ lil kulħadd mingħar ħafna ġudizzji u preġudizzji?
Kif nittratta lil min hu mneżża’ mid-dinjità tiegħu? Jekk naf b’xi ħadd li tilef id-dinjità tiegħu, nieħu vantaġġ minnha, niġġustifikaha għax jaqbel lili? Nemmen li ċerti azzjonijiet minnhom infushom ibaxxu d-dinjità ta’ wlied Alla, jew għalija kollox jgħaddi? U allura, la kollox jgħaddi, inkompli nbaxxihom fid-dinjità billi nagħlaq għajnejja għall-fraġilità tagħhom?
Kif nimxi ma’ min hu marid? Narah piż fil-ħajja tiegħi? Infittex li nkun qrib ma’ min għandu s-salib tal-mard? Għandi ċ-ċans immur inżur il-morda? X’nagħmel ma’ min hu marid spiritwalment? Nemmen li relazzjoni ma’ Alla hija l-aqwa mediċina għax tasal tagħti sens anke lill-istess tbatija?
Kif nimxi ma’ min dineb? Moħħni biex inxandar id-dnub tal-oħrajn, jew inkella intelliġenti biżżejjed biex nikkundanna d-dnub imma ma nkissirx persuni? Ngħin lil ta’ madwari jersqu għall-indiema u l-konverżjoni?
Aħfruli ta’ dawn il-ħafna mistoqsijiet. Ħa nissorga nagħmel oħra, u tkun tal-aħħar għal-lum! Tixtieq tidħol fil-ferħ ta’ sidek?
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv