Is-7 Ħadd matul is-sena (Mt 5, 38-48)
Darba mort l-isptar għal xi appuntament, u ltqajt ma’ raġel li qalli: ‘Int qassis?’ Jien, anke jekk ma kelli xejn x’juri li jien saċerdot, weġibtu: ‘Iva, patri Franġiskan.’ U dan mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn qalli: ‘Fr, trid ngħidlek liema biċċa mill-Vanġelu l-iktar li togħġobni?’ Għedtlu: ‘Mela!’ Qalli meta Ġesù jgħid biex nitolbu għal dawk li jippersegwitawna!’ Illami, għedt, iltqajt ma’ xi riinkarnazzjoni ta’ San Stiefnu! Qalli: ‘Għalija vera faċli nitlob għalihom.’ Għedtlu: ‘Kif?’ Qalli: ‘Nitlob ’l Alla joqtolhom.’ Ma nafx kellix nibki jew nidħak, imma naħseb li dak il-ħin dħakt.
Drabi oħra, f’kuntesti iktar serji smajt min jgħid: ‘Imma kif nista’ naħfer?’ Meta xi ħadd jiġi quddiemi b’mistoqsija bħal din, donni ma nkunx naf x’ser inwieġeb, iktar u iktar jekk inkun naf x’kienet l-offiża li l-persuna tkun qed iġġorr fil-qalb tagħha. Kull meta xi ħadd staqsieni din id-domanda f’moħħi dejjem ngħid: ‘Itlob, Drin, qabel tpaċpaċ għax kieku kont int ma tafx kemm kont ser issibha faċli taħfer.’ L-imħabba lejn l-għedewwa mhi faċli xejn u tirrikjedi proċess ta’ fejqan.
Madanakollu Ġesù jistedinna naħfru. Ġesù għandu x-xewqa jagħmilna iktar umani. Huwa jaf li aħna għandna dinjità ta’ persuni umani, imma jaf ukoll li l-bniedem biss kien kapaċi joħloq l-armi, kien hu li vvinta l-gwerra, kien il-bniedem li joħloqha biex ibigħ iktar armi u jagħmel il-qligħ. Ġesù jaf li l-qalb tal-bniedem hija vjolenti. Alla ma kitebx il-ħames kmandament għalxejn!
Allura l-Mulej Ġesù, ġaladarba jridna iktar umani, jipprova jeħlisna mill-istint vjolenti tagħna u jsejħilna għall-perfezzjoni tal-imħabba. B’mod naturali jekk xi ħadd itik daqqa ta’ ħarta, int ittih daqqa ta’ ponn, jew jekk ma tkunx tiflaħ, ittih daqqa ta’ lsien! Naħseb ftehimna. Xi ħadd li jdejqek taħarbu u mhux timxi miegħu żewġ mili. Min irid itellgħek il-qorti, ma tmurx teħodlu b’idu, imma tmur tfittex tiġri ssib avukat. Imbagħad arak dieħel u ħiereġ il-Belt xahar wara xahar, imma dak li hu tiegħek, tiegħek!
Ġesù bħal donnu ma jemminx b’reazzjonijiet naturali, awtomatiċi. Dawk kapaċi jgħalluk. Meta l-istint tħallih jiġri bik, nafu sa fejn kapaċi jwassal. Ġesù jeħodna fit-triq tal-perfezzjoni, li hija itwal, iktar għat-telgħa imma tħallsek bil-paċi li tħalli fik.
L-Imgħallem ma jridx li aħna nqattgħu ħajjitna nippruvaw nivvendikaw ruħna minn xi ħadd. Ma jridniex imwaħħla fl-offiżi li rċevejna. Jista’ jkun li fil-passat ġraw affarijiet li għamlu minni vittma, imma issa llum nista’ niddeċidi li nfiq. Mhux neċessarjament li nfiq billi nara ’l ħija msallab kif sallab lili. Jista’ jkun li nsallbu talli għamilli imma xorta ma nistrieħx għax inkun għadni mwaħħal fl-offiża u għalhekk nibqa’ vittma.
Il-mibegħda ma tagħmillix ġid, u kważi kważi meta nimtela rabja għal xi ħadd u nqatta’ ħajti niġri wara l-aggressur biex impattihielu, inkun għadni qed nittrattah ta’ aggressur. Inkun qed inpaxxih, għax hu ried jagħmilli l-ħsara u jien, fir-rabja tiegħi nkun għadni mwaħħal fiha.
Il-Mulej Ġesù ma jridniex imwaħħlin. Iridna li bniedem ħażin ma niqfulux. Jekk niqfulu nkunu qed nilagħbu l-istess karti ttal-bniedem ħażin. Jekk le, inkun qed nurih li hemm triq iktar intelliġenti kif nittrattaw mal-offiżi. Inkun qed nagħmel li l-affarijiet ma jissolvewx kif prova jsolvihom hu. Fuq kollox inkun qed infejjaq lili nnifsi, u lilu.
M’hemmx għalfejn ngħidu li l-maħfra huwa proċess ta’ fejqan. Meta nibda naħfer nibda nfiq u meta naħfer nkun imfejjaq. Żgur li mhix mixja li mistiedna nagħmlu weħidna imma bis-sapport ta’ nies li għamlu l-Vanġelu l-għamla tal-ħajja tagħhom, u biss bi grazzja tiegħu.
Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv