Xi jrid isir biex l-għarajjes jippreparaw għal żwieġ Nisrani?

  1. L-għarajjes jagħzlu l-knisja li fiha ser jiċċelebraw iż-żwieġ. Imorru hemm biex jibbukkjaw il-knisja u jingħataw il-formola “Nota ta’ Booking għal żwieġ Nisrani”.
  2. Wara li jimlew din il-formula (importanti li jimtlew id-dettalji kollha), l-għarajjes joħduha għand il-Kappillani rispettivi tagħhom (iġifieri ta’ fejn huma residenti) biex jiffirmawhielhom.
  3. Sentejn qabel iż-żwieġ, l-għarajjes jgħamlu l-kors tat-tħejjija għaż-żwieġ Nisrani billi jattendu l-kors ta’ Kana jew tal-Belong. Tkun ħaġa tajba ħafna li jgħażlu saċerdot li jassistihom u jmexxihom fil-preparazzjoni taż-żwieġ. Il-moviment ta’ Kana u diversi parroċċi oħra joffru laqgħa kull xahar għal dawk l-għarajjes li, wara l-kors ta’ tħejjija, jixtiequ jkomplu fil-formazzjoni tagħhom.
  4. Bejn tliet xhur u sena qabel iż-żwieġ, l-għarajjes ikollhom l-aħħar tħejjija ta’ qabel iż-żwieġ. Il-kappillani jikkuntatjaw lill-għarajjes li jkunu waslu biex jiżżewġu permezz ta’ email u jistidinhom jattendu għal-laqgħat ta’ tħejjija mill-qrib:. Dawn il-laqgħat jistgħu jsiru fil-parroċċa tal-għarus jew inkella fil-parroċċa tal-għarusa.
  5. Erba’ xhur qabel iż-żwieġ, l-għarajjes imorru għand il-Kappillani rispettivi tagħhom (iġifieri ta’ fejn huma residenti) biex isir l-istħarriġ ta’ qabel iż-żwieġ. Magħhom iridu jieħdu ċ-ċertifikati tas-sagrament tal-Magħmudija u tal-Griżma tagħhom kif ukoll iċ-ċertifikat tal-kors tat-tħejjija għaż-żwieġ Nisrani (ta’ Kana jew tal-Belong). Il-kappillan itihom dokument tal-istħarriġ taż-żwieġ li jkunu jridu jieħdu magħhom meta jmorru l-Kurja.
  6. Tlett xhur qabel iż-żwieġ l-għarajjes imorru flimkien l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku (Triq Aldo Moro, Marsa jew Rabat, Għawdex) biex isiru t-tnidijiet ċivili taż-żwieġ. Magħhom iridu jieħdu l-karta tal-identita u photocopy tal-karta tal-identita tax-xhieda. Qabel ma jmorru irid isir appuntament billi jċemplu fuq 2590 4200 (jew 2215 6383 għall-uffiċċju ta’ Għawdex).
  7. Xahrejn qabel iż-żwieġ l-għarajjes imorru flimkien l-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja, Floriana (entratura minn quddiem il-kwartieri tal-Puliżija) biex joħorġu t-tnidijiet tal-Knisja. Magħhom iridu jieħdu id-dokumenti tal-istħarriġ taż-żwieġ li jkunu tawhom il-Kappillani. Jistgħu imorru mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn il-11am u nofsinhar imma qabel ma jmorru irid isir appuntament billi jċemplu fuq 25906205 bejn 9am u 4pm jew jibgħatu email fuq [email protected] Tista’ ssib aktar dettalji hawn.
  8. Mill-Kurja jingħataw karta u l-għarajjes imorru biha għand il-kappillani tagħhom (iġifieri kull wieħed imur għand il-kappillan ta’ fejn joqgħod), biex fin-notice board tal-parroċċi tagħhom joħorġu t-tnidijiet ta’ żwieġ  għal żewġ weekends konsekuttivi. Wara li jgħaddu ż-żewġ weekends jerġgħu jmorru għand il-Kappillani tagħhom biex jiffirmalhom din il-karta.
  9. Flimkien mas-saċerdot li ser jiċċelebra l-quddiesa, l-għarajjes jgħażlu l-qari tal-quddiesa u t-talba tal-ġemgħa, u jaraw ir-rit taż-żwieġ u l-barka fuq l-għarajjes. Jgħaddu wkoll kopja tal-qari lil dawk li ser jaqraw waqt il-quddiesa biex ikunu ppreparati.
  10. Importanti li l-għarajjes iħejju ruħhom spiritwalment bit-talb flimkien, u qabel ma jiżżewġu jsibu ħin biex jersqu lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u Maħfra.
  11. Kull aspett taċ-ċelebrazzjoni, inkluż il-kant u l-mużika ta’ waqt il-quddiesa, għandom ikunu addattati għal funżjoni liturġika. Qabel ma l-għarajjes jiddeċiedu fuqhom aħjar, jiddisku mal-Kappillan/Rettur tal-knisja fejn ser jkun iċċelebrat iż-żwieġ. Bħal dejjem, l-ilbies irid ikun addattat għad-dar ta’ Alla.
  12. Hija ħaġa sabieħa li l-għarajjes jaqsmu dal-ferħ tagħhom ma’ min hu fil-bżonn.

Iż-żwieġ jibda’ biċ-ċelebrazzjoni imma ma jieqafx hemm. Il-Moviment ta’ Kana joffri diversi laqgħat għall-miżżewġin ġodda biex ikomplu jikbru fir-relazzjoni tagħhom.


Home Page