Salib u tbatija jitħawdu f’xulxin

It-2 Ħadd tar-Randan (Mt 17, 1-9)

“Mulej, kemm hu sew li aħna hawn!” (Mt 17, 4) Kemm ilek ma tgħidha din il-frażi? Kemm ilek ma tgħid li fejn qiegħed tinsab tajjeb? Spiss jiġri f’ħajjitna li tant inkunu mtaqqlin b’dak li nkunu għaddejjin minnu li nsibuha diffiċli nistqarru li fil-ħajja baqa’ xi ħaġa sabiħa; xi ħaġa li għalija jiswa li tgħix u tmut.

Illum Ġesù qed jistedinna nikkontemplaw is-sbuħija tiegħu b’moħħna fis-salib. Innutaw naqra li l-ħbieb ta’ Ġesù jgħidu li huma ferħanin li jinsabu hemm, waqt li hu, ma’ Mosè u Elija kien qed jitkellem fuq “it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.” (Lq 9, 31) U aħna li ġejna wara, nafu kif kellu jkun it-tmiem ta’ ħajtu. Sbuħija u ferħ, salib u tbatija jitħawdu f’xulxin.

U x’inhi l-ħajja tan-nisrani jekk mhux din it-taħwida kollha, bejn salib u ferħ, sbuħija u niket? Kemm jien kapaċi ninduna li fil-ħajja mhux kollox imur żmerċ? Kemm jiġrili li f’mumenti diffiċli ma nibqa’ nara xejn? Kollox isir dlam u nibda nemmen li dak id-dlam ser jibqa’ għal dejjem. Anke jien, l-istess bħall-appostli nibża’ xħin nidħol fis-sħaba imma propju minn dik is-sħaba joħroġ il-leħen li jgħidli: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.” (Mk 9, 7)

Fil-mument li bħal donnu kollox ikun ġej ħażin, Alla jgħidli li huwa miegħi, li jaf minn xiex inkun għaddej. Forsi l-problemi ma jissolvewx, imma nibda narahom b’mod differenti. Għalija minflok kundanna jsiru mezz ta’ salvazzjoni. Nibda ftit ftit nifhem li Alla jaħdem kollox għall-ġid ta’ dawk li jħobbuh. Nibda nkun kapaċi ngħid, ‘Iva, kemm hu sew li qed hawn, minkejja li l-ħajja tiegħi ta’ ġenitur donnha falliet, l-istess ir-relazzjonijiet tiegħi, l-istess ix-xogħol pastorali tiegħi.’

Id-dixxipli ta’ Ġesù kkontemplawh fil-glorja, biex imbagħad ikunu kapaċi jikkontemplawh fuq is-salib. Ftit ta’ żmien wara, mhux iktar fuq il-muntanja Tabor, imma fuq l-għolja tal-Golgota, kienu mistiedna jiftakru f’dik il-glorja li kienet ġiet murija lilhom ftit qabel. Mhux kollha rnexxielhom, għax it-tbatija għandha ħabta tnessina s-sbuħija li nkunu kkontemplajna qabel tfaqqa’ s-sajjetta tal-uġigħ, tal-mard, tad-delużjoni. Imma l-istedina tibqa’ dejjem hemm, u magħha wkoll il-grazzja li tqawwi l-qalb għajjiena. 

Fil-persuna ta’ Ġesù msallab, l-appostli kienu msejħa jiftakru f’Ġesù li kienu ħarsu lejh fuq il-muntanja. Jien u int ukoll mistiedna naraw lill-Imgħallem tagħna f’min l-iktar donnu li ma jidhirx. Is-sbuħija ta’ Alla ma kinetx evidenti fuq is-salib, imma min kellu għajnejh miftuħa seta’ jilmaħ ħjiel tagħha; Alla mkisser, micħud u maqtul, imma li minnu tibqa’ ħierġa l-imħabba. Kemm aħna kapaċi naraw is-sbuħija tal-fqir, ta’ min idejjaqna, ta’ min mhux tal-klassi tagħna, ta’ min il-problemi emozzjonali tiegħu jgħejjuna u jaqtgħulna nifisna? Jirnexxili nara hemm ukoll xi forma ta’ sbuħija? 

Kif se jirnexxili naraha s-sbuħija fejn donnha ma tkunx hemm? Billi nisma’ lilu. Nisimgħu jgħidli li jien għażiż għalih, kif inhu għażiż għalih Ibnu. Jien tiegħu anke jekk ma jistħoqqlix. 

Mhux biss l-appostli kellhom bżonn jaraw lil Ġesù biex fil-mument tal-prova jagħmlu kuraġġ, imma anke l-Mulej kellu bżonn jisma’ mingħand il-Missier li hu kien għażiż, li kien maħbub, li kien l-għaxqa. Kienu dawn l-affermazzjonijiet tal-Missier li wasslu lil Ġesù sa fuq is-salib b’qalb qawwija. 

Jekk ma jirnexxilniex naraw is-sbuħija, ejjew almenu nisimgħu lill-Mulej jgħidilna, ‘Int maħbub’, ‘Int maħbuba’ u nemmnuha f’qalbna. 

Iebes dan il-kliem. Min jista’ jifhmu? Mulej, agħtina d-dehen.

Mill-ktieb “Fittxu l-ewwel is-Saltna” ta’ Fr Andrew Galea OFM Conv

Tags: No tags

Comments are closed.